NGOs
Irid jgħin nisa oħra wara li ra lil ommu tissawwat

Qabel kiseb suċċess fil-karriera mużikali bħala tenur, Cliff Zammit Stevens għadda minn esperjenzi qarsa, b’ommu ssofri quddiemu vjolenza fiżika kontinwa fir-relazzjonijiet tagħha. Disa’ xhur wara mewtha, Cliff irrakkonta l-ġrajjiet koroh li seħħew fi tfulitu u ddeċieda li jwaqqaf Fondazzjoni biex fost oħrajn tgħin lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

Cliff Zammit Stevens beda jesperjenza l-vjolenza domestika minn età żgħira. Jiftakar lil missieru jsawwat lil ommu.

“L-aktar li niftakar l-ommi dejjem tbati u aħna bħala familja – jien, ħija u ommi – dejjem niġru għand il-Pulizija filgħaxija biex naħarbu bil-problemi iżda sfortunatament dejjem kellna mmorru lura d-dar. Jien tifel żgħir kont, jiġifieri li mmur nipprova nsalvaha biex ma tkomplix taqla’ kienet diffiċli,” jgħid Cliff.

Meta Cliff kellu 6 snin, ommu u missieru sseparaw. Ommu ltaqgħet ma’ ħaddieħor bit-tama li tgħix aħjar, iżda għarralha. “Sfortunatament il-partner il-ġdid tagħha kien ukoll persuna li kien isawwatha u kien joħloq ħafna ħafna problemi.”

Mhux darba u tnejn li rat il-mewt. “Waħda mill-aktar xokkanti kienet meta prova jitfagħha minn fuq pont jiġifieri qabadha, kaxkarha u nirringrazzja lil Alla ma rnexxilux.”

Imġarrba minn dawn l-esperjenzi xokkanti, ommu rrassenjat ruħha. “Hi sfortunatament kienet temmen li jekk xi ħadd ma jsawwathiex jiġifieri ma jħobbhiex u jien kont nipprova nkellimha u ngħidilha li mhux hekk l-affarijiet,” jispjega Cliff.

Dan l-abbuż kien jibqa’ bejn l-erba’ ħitan ta’ darhom. “Ma konniex nitkellmu u ngħidilhom l-affarijiet għax tħossok mistħi u jkollok ħafna ‘shame’.”

… Sakemm iddeċiedew li jħarrbu lil ommu. “Ridna nsibu mument fejn hu kien rieqed pereżempju u fejn kien hemm dik is-siegħa fejn nippakkjaw kollox, nitilqu u mbagħad hi kienet safe f’Dar Merħba Bik.”

Wara aktar minn 20 sena ta’ abbuż fiżiku, ommu għamlet sentejn tgħix ħajjitha,sakemm disa’ xhur ilu ħallietna. “Inħoss li stennietni għal nofs siegħa. Wasalt fid-9.30am u fl-10.10am mietet.”

Cliff ma riedx li t-tbatija ta’ ommu tindifen. Iddeċieda li jwaqqaf Fondazzjoni li semmieha għal ommu – Marcy Foundation – biex tgħin nies li għaddejjin minn esperjenzi simili. “Se tindirizza issues bħall-vjolenza domestika, abbuż mid-droga, HIV, abbuż fuq it-tfal u s-saħħa mentali li huma issues li għaddejna minnhom aħna bħala familja.”

Minkejja li l-ħajja tatu bil-ħarta, Cliff jibqa’ determinat. “Nibqa’ ngħid li l-ħajja sabiħa ħafna. Dejjem hemm id-dawl fi tmiem il-mina.”

Bil-vuċi impekkabbli tiegħu, għada, Cliff se joħroġ diska li l-qligħ tagħha se jmur għal il-Fondazzjoni l-ġdida.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Mara sofriet minn ġrieħi gravi wara li llejla kienet involuta f’inċident tat-traffiku.  L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5pm fi Vjal Blue Grotto, fiż-Żurrieq. Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett fejn minn stħarriġ preliminari li…

Kultura

Bit-tema ‘Jiddefendu l-Libertajiet Tagħna’, il-bini tal-Parlament qed jilqa’ wirja fotografika biex tfakkar it-30 anniversarju tal-Premju Sakharov. Wirja fotografika li qed issir fil-Parlament tixħet dawl fuq erba’ esponenti ewlenin favur id-drittijiet…

Kronaka

L-għada li dar f’Ħal Luqa inħakmet min-nar qawwi, il-komunità ta’ Ħal Luqa qamet titkellem dwar dak li għaddiet minnha l-familja Theuma, magħrufa għall-presepju li tesebixxi kull sena fi żmien il-Milied….

Knisja Maltija

Għeluq sena ta’ anniversarji fiż-Żurrieq  b’pellegrinaġġ bl-istatwa titulari ta’ Santa Katarina li għalqet mitejn sena. Arja ta’ festa fiż-Żurrieq il-Ħadd filgħodu, b’pellegrinaġġ bl-istatwa titulari ta’ Santa Katarina li għalqet mitejn…

Aktar