Lokali
Irid jitreġġa’ lura l-arloġġ f’postijiet fil-kampanja li saru miżbla

F’inizjattiva flimkien, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ser jaħdmu id f’id biex ikunu rijabilitati diversi żoni tal-kampanja fil-gżejjer Maltin li ħafna minnhom jistgħu jservu għal proġetti ta’ afforestazzjoni.

Għal dan l-għan, tnieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wara li diġà ġew identifikati bosta żoni li ħafna minnhom huma mimlija skart li ntefa’ illegalment.

Maż-żewġ kilometri kwadri ta’ art fil-gżejjer Maltin, fosthom meded kbar fil-Mellieħa, fl-Imġarr u f’Marsaxlokk mistennija jiġu mnaddfa u sa fejn hu possibbli jitreġġgħu lura għall-istat oriġinali jew isiru msaġar b’siġar u arbuxelli indiġeni.

Ir-regolamenti proposti f’abbozz għal azzjoni ta’ infurzar ta’ siti abbandunati jew li fihom rimi llegali jew li nbidlu b’mod illegali għall-agrikoltura, għandhom l-għan li jtemmu l-abbuż fuq l-ambjent.

L-Awtorità tal-Ippjanar, flimkien mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, identifikaw xejn inqas minn 190 sit li l-użu tagħhom inbidel illegalment fl-aħħar 23 sena. Dawn ġew identifikati b’ritratti li ttieħdu mill-ajru bejn l-1994 u l-2012.

Uħud mis-siti għandhom mat-tliet metri ta’ radam

F’sessjoni ta’ konsultazzjoni pubblika ma’ diversi rappreżentanti ta’ għaqdiet tal-ambjent, Michelle Borg, mill-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li uħud mis-siti għandhom mat-tliet metri ta’ radam.

Hi qalet li f’ċerti postijiet tista’ ssir mill-ewwel afforestazzjoni flok jitneħħa r-radam. Dwar siti oħra inkluż dawk li jinsabu protetti għax huma parti min-Natura 2000, dawn iridu jiġu studjati biex jiġi identifikat l-aħjar mod kif is-sit jiġi restawrat.

“Kif l-Awtorità tal-Ambjent tgħidilna li l-metodu ta’ riġenerazzjoni huwa identifikat, hemmhekk sta għall-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tieħu l-ewwel pass u tinnotifika lil min kiser il-liġi u huwa s-sid tal-propjetà biex jibda jieħu l-azzjoni,” qalet Borg.

Is-sidien se jingħataw tliet xhur ċans biex jirregolaw ruħhom u jekk dan ma jsirx, l-Awtorità tal-Ippjanar tagħmel ix-xogħlijiet neċessarji a spejjeż ta’ min kiser il-liġi. L-abbozz ta’ liġi jaħseb biex l-Awtorità tinnotifika lill-Gvern fejn ikun il-kaz li jirkupra lura l-art tiegħu jew tal-privat.

Diversi rappreżentanti tal-għaqdiet li ħadu sehem qalu li dan huwa pass fid-direzzjoni it-tajba waqt li saħqu fuq l-important tal-biodiversità, l-ħarsien tal-wirt storiku u tkattir tal-imsaġar.

Il-Ministru Jose Herrera qal li din il-liġi se tnaqqas il-problema tar-rimi illegali tar-radam u se tgħin biex il-pajjiż isir aktar aħdar u tkun ippreservata l-art barra miż-żoni ta’ żvilupp.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg irrikonoxxa l-ħtieġa ta’ aktar siġar biex ipattu għat-tniġġiż mill-vetturi u qal li fil-każ tat-telgħa tal-Mellieħa ta direzzjoni biex tinstab soluzzjoni biex ma jinqalgħux is-siġar.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Michelle Paris hija mużiċista u kompożitiriċi li l-passjoni kbira li għandha għall-mużika tradizzjonali Irlandiża ddistingwietha bir-rebħ ta’ midalji prestiġjużi lil hinn minn xtutna. Il-mużika tradizzjonali Irlandiża għandha għeruq li jmorru…

Kultura

Il-Feniċi – poplu mil-Lvant Nofsani li waqfu kolonja tagħhom f’Malta fl-ewwel millenju Qabel Kristu. Iċ-ċiviltà Feniċja kienet waħda bbażata fuq il-kummerċ marittimu li firxet tul il-Baħar Mediterran u dan jistgħu…

Stejjer Umani

Iċ-ċkejken Katriel Zahra tant maħbub għall-ispirtu altruwist tiegħu minkejja li jbati minn kundizzjoni rari, dalgħodu wettaq ħolma oħra li kellu, li jaqta’ x-xagħar ta’ tifel bħalu b’risq il-Malta Community Chest…

Knisja Maltija

L-Azzjoni Kattolika Maltija għaddejja bi proġett biex dar li għandha f’Ħal Balzan tinbidel f’post li tkun tista’ tagħti kenn lill-familja jew persuni li għal xi raġuni jew oħra jispiċċaw ma…

Aktar