Kunsilli Lokali
Iridu multi ħorox fuq il-post għal min jinqabad iħammeġ u jikser il-liġi

L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali appellat lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jibdew jagħtu multi ħorox fuq il-post lil min jinqabad iħammeġ, jarmi l-iskart u jikser il-liġi.

Dan qalitu wara l-baħar ta’ ilmenti li qed jaslulha dwar il-ħmieġ u l-iskart li qed jinġema fil-lokalitajiet kawża tat-traskuraġni ta’ xi wħud. L-assoċjazzjoni qalet ukoll li l-multi li jingħataw għandhom jitħallsu immedjatament fuq il-post biex tiġi evitata il-problema ta’ barranin li jilħqu jitilqu minn Malta sakemm taslilhom t-taħrika.

Innutat ukoll b’dispjaċir li minkejja l-kampanji edukattivi favur l-indafa u s-servizz b’xejn tal-bulky refuse li joffru l-Kunsilli Lokali, aktar qed jiżdied l-iskart mormi fl-ispazji pubbliċi li mhux biss qed ikerrah l-ambjent iżda qed ikun ta’ detterent għas-saħħa pubblika.

Fl-istqarrija, l-assoċjazzjoni ġibdet ukoll l-attenzjoni dwar l-iskart mormi mill-istabbilimenti tal-ikel take away. Qalet li dawn għandhom jikkollaboraw mal-Kunsill Lokali biex tinżamm l-indafa. Dawn għandhom jarmaw b’laned taż-żibel biex jiddisponu mill-iskart filwaqt li jkollhom il-kuntrattur biex jiġbor l-iskart.

Filwaqt li rringrazzjat lil kull min ħass il-ħtieġa jirrapporta meta ra lil ħaddieħor jabbuża mir-rimi tal-iskart, l-assoċjazzjoni ħeġġet lill-individwi biex jiġbdu l-attenzjoni lil dak li jkun qabel ma jagħmlu rapport mal-Awtoritajiet.