Lokali
Irrappurtat it-tieni każ ta’ kaċċa illegali – jindarab għasfur protett fil-Miżieb

Jindarab it-tieni għasfur protett fi spazju ta’ ġimgħa.  Skont il-Birdlife, l-għasfur huwa bagħdan aħmar midrub b’tiri ta’ arma tan-nar li nstab ilbieraħ minn xi ċiklisti fil-Miżieb.

Il-Birdlife, fi stqarrija, qalet li l-federazzjoni tal-kaċċaturi (FKNK) tgħid li l-art fejn instab dan l-għasfur hija tagħhom.  Din is-sena, l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa hija għas-summien.

Il-kaċċa għas-summien mhux normalment issir fil-Miżieb, qalet il-Birdlife, minħabba li m’hemmx abitat ideali għal din l-ispeċi tal-għasafar.  Għalhekk il-Birdlife qed tgħid li min kien fil-Miżieb kellu l-intenzjoni li jikkaċċja għall-għasafar protetti.

Il-Birdlife ħarġu ritratt u filmat tal-għasfur midrub f’żewġt iġwienaħ.  Qalu li l-għasfur huwa irqiq ħafna u għalhekk jidher li l-każ seħħ numru ta’ jiem ilu.

Fir-rebbiegħa u l-ħarifa huwa normali tgħaddi l-passa ta’ bagħdan l-aħmar minn fuq il-gżejjer Maltin.  Dan sabiex ikunu jistgħu jmorru fit-tramuntana tal-Ewropa sabiex isibu fejn jgħammru.

Ara wkoll:

Iktar minn 1,300 spezzjoni fl-ewwel ħamest ijiem tal-kaċċa fir-rebbiegħa