Lokali
FILMAT: irreġistrati l-ewwel 3 każijiet tal-varjant tal-Brażil f’Malta

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa qal li din il-ġimgħa ġew irreġistrati l-ewwel tliet każijiet tal-varjant tal-Brażil.

Dr Fearne ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie inawgurat ċentru speċjalizzat ġdid ta’ podjatrija fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Birkirkara.

Dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta Mr Fearne qal li madwar id-dinja, il-pandemija ma spiċċatx u hemm pajjiżi inlkuż fl-Asja, fl-Amerika t’Isfel u anke fl-Ewropa fejn il-pandemija hija fl-agħar tagħha.

Qal li f’Malta, in-numri qed jonqsu u pari passu ma’ dan, in-numru ta’ persuni mlaqqma qed dejjem jikber tant li 46% tal-Maltin diġà ħadu l-ewwel doża u aktar minn 21% ħadu t-tieni doża.

Il-Ministru Fearne qal li sal-aħħar tal-ġimgħa aktar minn 300,000 ruħ se jkunu ħadu doża tat-tilqima. Qal li wara kull numru hemm is-suċċess għax it-tilqima qed taħdem.

Huwa żied jgħid li n-numru ta’ każijiet ta’ nies pożittivi li qegħdin jidħlu fl-isptarijiet tagħna naqas b’mod drammatiku tant li llum m’hemm ebda pazjent fil-faċilità tal-Good Samaritan li tilqa’ fiha persuni minn djar tal-anzjani.

Qal li s-sitwazzjoni fl-isptar hija l-istess fejn in-nies fit-Taqsima tal-Kura Intensiva niżlu minn 31 ruħ għal 6 persuni.

Qal li s’issa 90% tal-persuni li għandhom 70 sena u iktar ħadu t-tilqima u bl-istess rata l-persuni li għandhom 60 sena u fuqhom. Qal ukoll li aktar minn 60 fil-mija tal-persuni li għandhom 50 sena u aktar ħadu t-tilqima.