Reliġjon
Irrestawrata fost l-eqdem statwi tal-Madonna f’Malta mingħajr il-pedestall tagħha

Il-Knisja tiddedika x-xahar ta’ Mejju lill-Madonna. Waħda mill-eqdem statwi tal-Madonna li għandna fil-gżejjer Maltin għadha kemm ġiet irrestawrata.

L-istatwa tal-irħam hi ta’ Santa Marija ta’ Ġesu li għaliha ssemmiet il-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat u kienet kummissjonata mill-Patrijiet Franġiskani fil-bidu tas-seklu sittax.

L-istatwa, waħda mill-ftit eżempji ta’ skultura Rinaxximentali f’Malta, mhix kompluta minn kollox! Qed tistrieħ fuq pedestall fuq stil barokk għax l-oriġinali jinsab mal-kollezzjoni nazzjonali, fil-MUŻA, il-Belt.

Hija statwa għolja metru u nofs iżda tiżen aktar minn 380 kilo. L-istatwa tal-Madonna bil-Bambin ġiet ikkummissjonata mill-patrijiet Franġiskani fi Frar tal-1504, ftit wara l-wasla tagħhom f’Malta u kellha tkun fil-knisja tagħhom fir-Rabat sa Ġunju tal-istess sena. Ix-xogħol bl-irħam abjad inħadem f’Messina mill-iskultur Antonello Gagini li dak iż-żmien kellu 26 sena.

F’aktar minn ħames sekli, din l-istatwa għaddiet minn ħafna. Meta f’Settembru li għadda nħarġet mill-Knisja ta’ Ġieżu u ttieħdet għar-restawr fil-laboratorji tal-kumpanija Prevarti, instab li f’xi żmien l-istatwa inqatgħetilha rasha u ssewwiet b’żewġ vireg tal-ħadid. Intilfu wkoll xi swaba tal-Madonna u tal-Bambin.

Charlene Vella, lettur tal-Istorja tal-Arti fl-Universita ta’ Malta spjegat li peress li din l-istatwa hija kapolavur artistiku għall-Knisja tagħhom fir-Rabat, il-Franġiskani xtaqu li fi tmiem il-proġett, l-istatwa tkun tidher kompluta kemm jista’ jkun.

“Allura wara li studjajna statwi oħra ta’ Antonello Gagini li hemm ħafna fi Sqallija per eżempju, irrikreajna bil-ġibs is-swaba tal-Madonna u llum dawk li qed jidhru u anki tal-Bambin. Kif għedna qabel anki ras il-madonna kienet maqtugħa f’xi żmien.”

Apparti r-restawr, sar studju xjentifiku u riċerka minn Dr Vella u studenta tagħha, Jamie Farrugia. Bl-użu ta’ teknoloġija bħal raġġi UV u gamma u scans tri-dimensjonali, inkixfu ħafna dettalji oriġinali tal-istatwa li tul is-snin intilfu bi proċessi varji ta’ tindif fosthom disinn bil-fjuri li oriġinarjament kien indurat bid-deheb.

“Kellha partijiet bojod ta’ rħam abjad tal-carrara pero x-xagħar tal-Madonna u l-bambin kienu ndurati bid-deheb, kellek il-blu fin-naħa ta’ taħt tal-mantel tal-madonna u dawn id-dettalji ndurati bid-deheb.”

Meta kienet kummissjonata l-istatwa, kien inħadem ukoll pedestall għaliha li madwar 100 sena ilu ittieħed fil-kollezzjoni nazzjonali, bħala eżempju ta’ xogħol artisitiku ta’ żmien ir-Rinaxximent. Illum jinsab esebit fil-MUŻA, il-Belt.

“Il-Franġiskani anki permezz ta’ Patri Ġorġ Aquilina llum mejjet, ilhom mill-1990 jipprovaw jġib lura dan il-pedestal pero hemm proċess twil biex dan isir u l-Franġiskani għadhom jittamaw u aħna bħala storiċi tal-arti wkoll u anki bħala pubbliku huwa siewi li naraw l-iskultura kif kienet magħmulha oriġinali bil-pedestal magħha.”

Din l-istatwa hija fost l-eqdem xogħol artistiku li għandha l-ordni Franġiskana f’Malta u minn dan ix-xogħol ħadet isimha l-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ fir-Rabat. Ir-restawr li sewa €15,000 ġawda minn fondi tal-Unjoni Ewropea.