Propjetà
Irrestawrati 24 propjetà battala bl-iskema tal-Awtorità tad-Djar

Minn mindu ġiet imnedija l-iskema tal-Awtorità tad-Djar għal restawr ta’ djar battala fl-2018, kien hemm 24 propjetà li ġew irrestawrati u li bejniethom is-sidien ingħataw €600,000.

Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern jiggarantixxi mhux biss għotja ta’ €25,000 għar-restawr ta’ djar battala, iżda jiggarantixxi kirja tal-propjetà għal 10 snin.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, żar waħda mid-djar li bbenefikat minn din l-iskema f’Ħal Qormi u li qed tinkera għal akkomodazzjoni soċjali. Il-Ministru Galdes qal li din l-iskema se tissokta biex iktar familji jkollhom opportunità li jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid Mc Kay, qal li l-lista ta’ stennija minn 3,200 fl-2018, is-sena li għaddiet il-lista niżlet għal inqas minn 2,000 persuna.

Is-Sur Mc Kay qal li dan seħħ għaliex l-awtorità mhix qed tipprova takkomoda l-familji, billi tibni biss postijiet ġodda, iżda li dawk battala, jiġu rrestrawrati u b’hekk igawdu kemm il-familji u anki s-sidien tal-propjetà.