COVID-19
“Irridu nżommu n-numri baxxi biex min fetaħ jibqa’ miftuħ”

Is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci saħqet dwar l-importanza li wieħed jimxi mar-regoli tal-COVID-19. Waqt TVAM, Profs Gauci qalet li hu importanti li nżommu numri baxxi biex l-entitajiet li diġà fetħu jibqgħu miftuħa.

“L-aħħar tnaqqis ta’ miżuri kienu l-aktar miżuri ta’ riskju”

Mistoqsija dwar Malta jekk tistax terħi aktar miżuri, Prof Gauci qalet li tifhem li kulħadd bata iżda bħala prinċipju Malta timxi bi prekawzzjoni. Qalet li l-aħħar tnaqqis fil-miżuri kienu riskjużi. Stqarret li l-awtoritajiet tal-infurzar qed ikollhom aktar postijiet fejn iduru. Qalet li huwa aktar riskju li bħalissa jiżdiedu n-numri u għalhekk qegħdin kawti. Spjegat li hu importanti li nżommu numri baxxi biex l-entitajiet li diġà fetħu jibqgħu miftuħa. Fakkret li meta tgħaġġel jiżdiedu l-każijiet. Qalet li kulħadd għandu jimxi mar-regoli.

Kompliet tgħid li għandek ammont sostanzjali ta’ nies deħlin Malta u jfittxu affarijiet differenti. Spjegat li għalhekk infetħu l-attivitajiet b’mod responsabbli u kontrolat biex in-nies ikollhom fejn imorru. Qalet li xorta se jkollok nies irresponsabbli u appellat biex wieħed jimxi mal-miżuri.

L-importanza li wieħed jieħu ż-żewġ dożi:

Tkellmet dwar l-importanza li wieħed jieħu ż-żewġ dożi tal-vaċċin sabiex ikun aktar protett għall-virus. Spjegat li ż-żieda fil-każijiet tal-COVID-19 fl-Ingilterra bil-varjant Delta magħruf bħala l-varjant Indjan, kienet attribwita b’mod partikolari minħabba li nfirex il-virus f’żoni fejn nies ma ħadux il-vaċċin. Qalet li d-deċiżjoni li jagħtu doża waħda lil kulħadd kompliet tgħin biex jinfirex il-virus għax doża waħda ma ttikx biżżejjed immunità.

Min-nhar it-Tnejn tfal minn 12-il sena ‘l fuq se jirċievu stedina għall-vaċċin

Mistoqsija dwar it-tilqim kontra l-imxija, Profs Gauci qalet li l-Pfizer tista’ tintuża minn 12-il sena ‘l fuq u għalhekk l-adolexxenti qed jiġu offruti t-tilqima. Spjegat li kien hemm diġà xi tfal li ħadu t-tilqima u spjegat li min-nhar it-Tnejn li ġej tfal ta’ 12-il sena ‘l fuq se jibdew jirċievu l-istedina sabiex imorru u jitlaqqmu. Tfal li għadhom ma għalqux it-tnax-il sena għandhom jinformaw lill-awtoritajiet sabiex jirċievu l-istedina wara li jkunu għalqu t-12-il sena.  Spjegat dwar l-importanza li wieħed jieħu l-vaċċin għax se jgħin pereżempju biex wieħed isiefer u jattendi għal ċertu attivitajiet.

Iċ-ċertifikat tal-vaċċin Malti se jkun rikonoxxut fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Prof Gauci qalet li ċ-ċertifikat tal-vaċċin li qed isir minn kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea se jkun qed jidħol fil-pjattaforma tal-Unjoni Ewropea inkluż ta’ Malta. Iċ-ċertifikat Malti għaddej minn proċess sabiex jiġi rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea u b’hekk inkunu nistgħu nsiefru bih f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  Tat eżempju jekk wieħed imur l-Italja biċ-ċertifikat tal-vaċċin wieħed m’għandux għala jagħmel it-testijiet biex imur hemm. Qalet li min għandu ċ-ċertifikat tal-vaċċin u diġà siefer meta wasal lura ma kellux għala jagħmel it-test.

Dwar il-lista oranġjo, Profs Gauci qalet li Malta se tirrevedi l-lista tal-pajjiżi fosthom se jkun hemm għadd ta’ stati Amerikani miftuħa.