Lokali
“Irriduh irriduh, it-teatru rriduh”

Tnieda l-programm ta’ Teatru Malta ghall-ħarifa u għax-xitwa. Il-programm fih firxa ta’ produzzjonijiet immirati għal faxex kollha tas-soċjetà.

Teatru Malta hija l-kumpanija nazzjonali tat-teatru li tnediet fl-2017. Tiddeskrivi lil Malta u Għawdex kollha bħala l-palk tagħha u filfatt il-produzzjonijiet teatrali għal dan l-istaġun se jsiru f’postijiet differenti fosthom fit-Teatru Manoel, Esplora, il-każin tal-banda La Vallette u l-ħabs antik militari ta’ Kordin.

Teatru Malta ħabbret il-programm ta’ produzzjonijiet li se tippreżenta fl-istaġun tal-Ħarifa u tax-Xitwa. Id-direttur artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, qal li l-programm hu varjat għaliex it-teatru jista’ jsir fuq kollox u b’ħafna stili. Qal li Teatru Malta trid tiġbed lejn it-teatru udjenza varjata, miż-żgħar sal-kbar. Żied jgħid li bħala kumpanija nazzjonali tat-teatru, qed jippruvaw jippreżentaw xogħlijiet purament Maltin.

“It-teatru nazzjonali għandu jkun għal kulħadd u nvarjaw. Il-materja prima hi li nippruvaw naqbdu affarijiet li x-xogħol tagħna peress li aħna teatru nazzjonali diffiċli tarah l-Italja jew l-Arġentina jew il-Ġappun. Għandna proġett fuq Oliver Friġġieri u anki r-relazzjoni tiegħu ma’ Dun Karm, proġett fuq Manoel Dimech, proġett fuq Tony Drago imma mbagħad ikollna l-kooperazzjonijiet internazzjonali.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, qal li d-dinamika u r-reżiljenza ta’ Teatru Malta ħarġet fid-deher fix-xhur li għaddew meta waqt il-pandemija, baqgħet tiżviluppa proġetti għas-snin li ġejjin.

Il-Ministru għall-Kultura Jose Herrera qal li l-Gvern irid isaħħaħ it-teatru b’qafas legali li jirrikonoxxi lit-Teatru Manoel u lil Teatru Malta.

“Hija lesta l-leġislazzjoni, se tiġi ppreżentata l-kabinett dalwaqt, fejn il-Manoel Theatre bħala sit ikun it-teatru nazzjonali u t-Teatru Malta jkun adenda u parti minn Teatru Manoel bħala l-kumpanija nazzjonali tat-Teatru. Ikollha identità u personalità ġuridika, se tkun aġenzija l-idea.”

Żied li b’hekk dawn l-entitajiet ikunu f’pożizzjoni aħjar li japplikaw għal fondi Ewropej, ikunu aktar awtonomi u jkomplu jikbru. Il-programm ta’ Teatru Malta ġie pubblikat f’format ta’ ġurnal u jinsab ukoll fuq is-sit elettroniku tal-kumpanija.