Ambjent
Irrifjutat permess għal kamra f’ODZ f’Ħondoq ir-Rummien

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni għal bini ta’ kamra f’żona barra l-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, limiti tal-Qala.

Fi stqarrija l-kunsill Lokali tal-Qala laqa’ din id-deċiżjoni, fejn qal li l-binja kienet tinkludi tamboċċ u parapett, u kienet proposta li tinbena  minflok munzell ġebel.  Il-Kunsill żied li l-binja kienet proposta biex tinbena f’żona li għadha fi stat naturali u li tidher anke minn Kemmuna.

Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, kien għamel rappreżentazzjonijiet kontra l-applikazzjoni, peress li sostna li din tmur kontra r-‘Rural Policy and Design Guidance’, li tfittex li tipproteġi l-valuri tal-karattru, il-veduti u l-ekoloġija ta’ żoni rurali , kif ukoll kontra l-Istrategic Plan for the Environment and Development’ li jaċċetta biss żvilupp li huwa leġittimu u neċessarju.