Kultura
Irriġenerat is-swar ta’ San Mikiel u belveder ġdid fl-Isla

Il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir lestiet ir-restawr fuq is-swar ta’ San Mikiel u l-belveder ġdid fl-Isla.

Ix-xogħlijiet kienu jinkludu r-restawr ta’ 4,500 metru kwadru ta’ ħitan ta’ fortifikazzjonijiet, ir-restawr tat-torri msejjaħ l-Arloġġ u tal-Gardjola, sistema ta’ dawl ġdida u belveder ġdid

Ġiet inawgurata l-ewwel fażi tal-proġett tar-riġenerazzjoni tad-daħla tal-Isla.

Ix-xogħol sar fuq l-Arloġġ ikoniku tal-Isla, fuq il-Gardjola kif ukoll mas-swar tad-dawra tal-Isla.

Il-bastjuni ta’ San Mikiel Belveder se jkunu aċċessibli għall-pubbliku u b’hekk meta x-xogħol kollu jitlesta dan il-post mimli storja jista’ jigi gawdut mill-Maltin u anke mit-turisti li jżuruna.

Is-Sindku tal-Isla Clive Pulis qal li dan huwa biss il-bidu ta’ din ir riġenerazzjoni u li issa ix-xewqa tar-residenti saret realtà.

“It tieni fażi se tkun wara d-daħla tal-Isla, se jsir pavimentar fil-pjazza Mitrovich, se jkun hemm pjazza fejn il-klabb tal-boċċi ha jinbidel kif inhu bħalissa, se jiġi aktar moderizzat u apparti minn hekk se jkun aktar aċċessibbli anke għall-persuni b’diżabiltà li se jkunu jistgħu jattendu il-Belveder u joqgħodu għall-mistrieħ fil-lokalità tagħna”.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li dan il-Gvern mhux qiegħed jinvesti f’infrastuttura li jinkludu biss toroq iżda fil-konservazzjoni tal-wirt bħal dan l-istess proġett li nfirex fuq il-Port il-Kbir, diversi swar u binjiet.

“Dan huwa investiment ta’ €1.8 miljun li l-GHRC (Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir) għamlet biex terġa’ tagħti d-dehra mill-isbaħ lill-Isla, spazju miftuħ li qed nagħtu lin-nies. Apparti minn hekk se jibdew ix-xogħlijiet fil-Kalkara kif ukoll anke man-naħa tal-Pietà u l-Imsida”.

Il-Ministru Borg żied li b’investiment għall-ewwel fażi li sewa €1.8 miljun se jsarraf biex ‘il quddiem ikollna belveder għal kulħadd.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Anthony Agius Decelis u Gino Cauchi rispettivament.