AĠĠORNAT: Iċ-ċikkulati Mars u Snickers irtirati f’55 pajjiż inkluż f’Malta

Il-kumpanija Mars Chocolate, li tagħmel iċ-ċikkulata Mars u Snickers irtirat mis-suq iċ-ċikkulata f’55 pajjiż inkluż f’Malta, wara li nstabu biċċiet tal-plastic fil-prodott. Prodotti oħra affetwati jinkludu l-Milky Way Minis u ċerti tipi ta’ kaxxi b’ċikkulati Celebrations.

Għall-ewwel, il-kumpanija qalet li qed tirtira ċ-ċikkulata mis-suq Ġermaniż biss iżda issa estenditha għal 55 pajjiż fosthom ir-Renju Unit, Franza, l-Belġju, l-Italja u Spanja. Il-prodotti li ntlaqtu għandhom id-dati sa meta l-aħjar jiġu kkonsmati mid-19 ta’ Ġunju 18 2016 sat-8 ta’ Jannar 2017.

Il-produttur Amerikan taċ-ċikkulata jipproduċi madwar 10 miljun ċikkulata kuljum fil-fabbrika li għandu fil-Punent tal-Ġermanja, Viersen.

Fi stqarrija l-kumpanija qalet li “Mars Chocolate qiegħda tiġbor volontarjament prodotti taċ-ċikkulata Mars, Snickers, Milky Way u Celebrations wara li nstab plastik ġo fihom.”

Intant id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, qal fi stqarrija tard it-Tlieta filgħaxija li matul il-jum ġie infurmat, dwar possibbiltà li prodotti tal-marka taċ-ċikkulata, Mars, Snickers, Mily Way, Celebrations u Mini Mix, jista’ jkollhom traċċi ta’ plastik.

Qal li Madwar 55 pajjiż madwar id-dinja, fosthom Malta ġew innotifikati b’din il-possibiltà.

Għal dan il-għan, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, qal li diġà informa lill-aġent lokali ta’ dawn il-prodotti u fis-sigħat li ġejjin se jkun qiegħed jagħmel il-verifiki neċessarji.