Kunsilli Lokali
Irtirati stqarrijiet tal-ex sindku ta’ Tas-Sliema għax ma kellux avukat

Il-Qorti tal-Appell aċċettat it-talba tal-ex Sindku ta’ Tas-Sliema Nikki Dimech li, qabel jinstema’ l-appell tal-Avukat Ġenerali dwar is-sentenza li ngħata mill-Qorti tal-Maġistrati, tiddeċiedi fuq jekk għandhomx jiġu nulli l-istqarrijiet li għamel lill-Pulizija mingħajr ma kellu preżenti l-avukat tiegħu waqt l-interrogatorju.

L-ex Sindku ta’ Tas-Sliema fl-2009 ġie akkużat b’tixħim u li fl-2010 inġurja u hedded lil xi uffiċjal pubbliku.  Il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberatu minn kull akkuża, bl-Avukat Ġenerali appella minn din is-sentenza u oġġezzjona għat-talba li saret mill-avukat ta’ Dimech.

Dimech ħareġ b’kollox 4 stqarrijiet b’verżjonijiet differenti iżda appella biex dawn jiġu rtirati mill-Qorti għaliex ma kellux preżenti avukat waqt l-interrogatorju.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkunsidrat u laqgħet it-talba tal-imputat għaliex minn dik inhar tal-arrest, fil-ġurisprudenza kemm dik Ewropea kif ukoll dik Maltija, inbidlet il-liġi fejn saret tippermetti li l-avukat ikun preżenti waqt l-interrogatorju u għalhekk irtirat l-istqarrijiet.

Il-Qorti sabet li ma kienx hemm prova inammissibbli anke jekk fl-2010, il-liġi ma kinitx tipprovdi għad-dritt tal-assistenza tal-avukat.

Il-Qorti se tkompli tisma’ s-smigħ tal-appell tal-AĠ dwar il-każ ta’ Nikki Dimech.