Avjazzjoni
Is-safar minn u lejn Malta għadu ma rrankax – Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA

Kawża tal-pandemija, l-ivjaġġar u l-moviment ta’ passiġġieri mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-aħħar sitt xhur, naqas drastikament.

Ikkonferma dan il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta rendikont ta’ dak li seħħ minn Jannar sa’ Ġunju ta’ din is-sena. Is-Sur Borg qal li r-restrizzjoni li f’pajjżna jidħlu biss dawk li huma mlaqqmin, qajjmet ftit ta’ xettiċiżmu f’dawk li kienu qed jikkunsidraw iżuru pajjiżna.

Bir-restrizzjonijiet u l-miżuri li ttieħdu kontra l-imxija tal-Covid, wieħed mill-iktar setturi affetwati huwa l-avjazzjoni. Iż-żmien li matulu l-ajruport kien magħluq wassal sabiex in-numru ta’ passiġġieri li żaru Malta fl-aħħar xhur naqas drastikament.

Is-Sur Borg qal li waqt li huwa ovvju li l-pandemija naqqset l-ivjaġġar, jidher li s-safar għadu ma rrankax minn u lejn Malta. Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA qal li l-prenotazzjonijiet għadhom baxxi u sostna li dan huwa attribwit għal numru ta’ fatturi.

“Ir-restrizzjonijiet li hemm bħalissa f’dak il-ħin se tagħmel deċiżjoni jekk hux se tibbukkja fid-destinazzjoni jew le. Ovvjament l-istruttura li hemm bħalissa, fejn il-passiġġieri li jiġu lejn Malta jridu jiġu kollha ivvaċċinati, tħalli opportunità għal destinazzjonijiet oħra Mediterranji li wkoll joffru l-istess profil, biex ikunu f’pożizzjoni ferm iktar kompetittiva milli aħna aħna.”

Is-Sur Borg qal li għax-xahar ta’ Lulju u Awwissu jidhru li ntlaqtu mill-aħħar miżura tal-awtoritajiet tas-saħħa li kull min iżur Malta jrid ikun ħa t-tilqima tal-Covid.

“Jekk inħares lejn l-ewwel ftit xhur ta’ din is-sena, il-prestazzjoni tagħna minn Jannar sa’ April kienet bażikament biex intik idea, bħala medja kien ikollna 35,000, 40,000 passiġġier fix-xahar, meta din kienet tkun il-prestazzjoni tagħna ta’ ġimgħa f’dawk ix-xhur… jiġifieri l-impatt kien kbir.”

Il-Kap Eżekuttiv qal li l-moviment tal-passiġġieri bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, imqabbel mal-2019 meta ma kienx hawn pandemija, it-traffiku tal-ajru naqas bi kważi disgħin fil-mija – jiġifieri minn tliet miljun u mitejn elf passiġġier li għaddew mill-ajruport dawn naqsu għal 400 elf passiġġier. Il-moviment tal-ajruplani wkoll naqas drastikament, b’nuqqas ta’ kważi 80% minn 24 elf titjira, għal ħamest elef titjira. Innota iżda x-xejra pożittiva li kellu l-ajruport fix-xahar ta’ Ġunju li għadda, hekk kif meta mqabbel mal-2020 f’sena ta’ pandemija, it-traffiku fl-ajruport żdied b’153%.

Spjega li b’differenza mis-snin ta’ qabel, minħabba lockdown li kien hemm fir-Renju Unit, is-suq Ingliż m’għamilhiex mal-lista ta’ ħames l-iktar swieq li fittxew lil Malta din is-sena. Sostna li minflok hemm l-Italja, il-Ġermanja, Franza, il-Polonja, u Franza fost l-iktar turisti li ġew Malta din is-sena.

Intant, is-Sur Borg qal li minkejja li l-preżent huwa diffiċli, it-tmexxija qed tħares ‘il quddiem, anke b’għadd ta’ proġetti li mistennija jbiddlu l-wiċċ tal-MIA u l-madwar.