Politika
Is-saħħa tal-PN fin-nies li jkomplu jimlewh bl-enerġija biex jibqa’ għaddej – Dr Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li jekk irid li r-riformi jaħdmu l-partit irid ikun eqreb tan-nies. F’attività politika f’Ħaż-Żabbar, Dr Delia qal li s-saħħa tal-Partit Nazzjonalista tinsab fin-nies li qal ikomplu jimlewh bl-enerġija biex jibqa’ għaddej u wiegħed li jkompli jiġġieled għalihom.

Il-Kap Nazzjonalista akkuża lill-gvern li biddel lil Malta f’pajjiż mifni bil-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u qal li l-Fond Monteraju Internazzjonali wissa li Malta titpoġġa fuq il-lista s-sewda jekk ma jkunux ratifikati proċeduri li jassiguraw li l-pajjiż qed jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern għamel tibdil li sarraf f’ġid għall-poplu Malti u Għawdxi waqt li qal li Gvern Laburista biddel lill-pajjiż fi stat mibni fuq il-korruzzjoni u l-kriminalità.

F’attività politika f’Ħaż-Żabbar, Dr Delia qal li gvernijiet Nazzjonalisti bnew sptarijiet u mhux biegħu l-isptarijiet. Qal li r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali juri l-falliment tal-gvern għaliex naqas li jagħmel liġijiet kontra l-ħasil tal-flus u dan kif wissew l-esperti tal-IMF qed jagħmel ħsara lill-attrazzjoni ta’ Malta għall-investiment u jesponi riskji għas-sistema finanzjarja.

Il-Kap Nazzjonalista kkritika lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna dwar il-kuntratt tal-Vitals u qal li kieku din il-kumpanija ma ngħatatx mitejn miljun ewro għal xejn, il-Ministru Scicluna kien ikollu minn fejn jibgħat ċekkijiet ta’ ħames mitt ewro u mhux ħmistax-il ewro.

Dr Delia fakkar kif l-eks Ministru Konrad Mizzi li ddeskrevih bħala l-iżjed ministru maħmuġ li Malta qatt kellha kien se jieħu ħmistax-il ewro kull minuta li kieku ma tneħħitlux il-konsulenza li ngħata qabel il-ħatra ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkritika wkoll il-ħatra tal-ex Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar bħala konsulent tas-sigurtà meta taħtu u taħt il-ħames kummissarji ta’ qablu, il-Korp ikkrolla.

Dr Delia qal li l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jagħti l-aħħar imbuttatura biex it-tiġdid li hemm bżonn isir fil-Partit Nazzjonalista jitwettaq. Qal li iżjed nies qed jagħtu sehemhom biex dan it-tibdil jimmodernizza u jaġġorna lill-partit biex f’għeluq l-140 sena tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jkun iġedded skont dak li jeħtieġu ż-żminijiet.

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

COVID-19

HSBC Bank Malta nieda serje ta’ miżuri addizzjonali biex dejjem aktar jappoġġja lin-negozji milquta b’mod negattiv mit-tixrid tal-Covid-19.  Dawn il-miżuri ġodda tfasslu speċifikament għal dawk il-klijenti li qegħdin jiffaċċjaw tfixkil…

Aktar