Is-Sajd qed iħalli impatt fuq l-ekosistema marittima

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss is-sajd f’Malta, il-konsum tal-ħut u l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marittima.

Il-Bijologa Marittima, Dr. Sandra Agius Darmanin tenniet li kull tip ta’ sajd li jsir, xi ftit jew wisq iħalli xi tip ta’ mpatt fuq l-ekosistema marittima dan għaliex l-ammont ta’ ħut disponibbli fl-ibħra Maltin hu li hu u s-sajd dejjem qed inaqqar minn dak l-istokk. “Wieħed irid jikkunsidra wkoll il-fatt li diversi sajjieda, jistadu b’mod regolari. Mhux qed nitkellmu fuq impatt kbir, imma meta tgħaqqad is-sajjieda kollha flimkien, l-impatt hemm ikun”. Għalhekk huwa importanti li meta wieħed jistad, jistad bl-iktar mod sostenibbli.

Sajd sostenibbli jista’ jsir billi per eżempju, ma jinqabadx ħut taħt id-daqs. Agius Darmanin spjegat li bħal f’kull passatemp ieħor huwa kruċjali li wieħed ikabbar l-għarfien tiegħu fuq is-suġġett qabel jibda dan il-passatemp dan għaliex nuqqas ta’ għarfien jista’ jwassal għal konsegwenzi ta’ saħħa. “Fl-ibħra tagħna jeżistu ħut li huwa perikoluż, bħal l-iskorfon u t-traċna li faċli ħafna jinqabad minn max-xatt, mill-baxx. Dan it-tip ta’ ħut jekk inigżek jista’ jħalli ċertu  konsegwenzi ta’ uġigħ” qalet Agius Darmanin. Żiedet tgħid li fortunatament żdied l-għarfien biex il-ħut jitħalla jikber sa ċertu daqs qabel jinqabad, is-sistema tal-aqbad u ħarrab qed tindera fejn jekk tinqabad ħuta taħt id-daqs, jew li ma tistax tittiekel titħarrab lura fil-baħar. Dan qed iwassal biex l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marittima jkun kontrollat kemm jista’ jkun.

Mistoqsija mill-preżentatur rigward id-diversifikazzjoni tal-ħut fl-ibħra Maltin, il-bijologa marittima spjegat li wieħed irid josserva ż-żoni protetti li jiġu magħżula minħabba karatteristiċi importanti li jkollhom. Dawn qegħdin hemm biex preċiżament tiġi salvagwardata d-diversifikazzjoni tal-ħut f’pajjiżna.

Agius Darmanin spjegat li l-impatt fuq l-ekosistema ma jiġix biss mis-sajd, iżda wkoll mit-tniġġis tal-baħar u t-tniġġis tal-ħoss li jħalli effetti kbar fuq l-ibħra Maltin. Hija żiedet tgħid li jsiru diversi studji u stħarriġ biex jiġi analizzat aħjar il-baħar Malti u l-impatt tal-aġir tagħna fuqu.

Tista’ terġa tara l-program kollu hawnhekk:-

Popolin