Unjoni Ewropea
Is-saltna tad-dritt f’Malta – Il-Kunsill tal-Ewropa mhux sodisfatt, il-Gvern iwieġeb

Il-Kumitat tal-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kunsill tal-Ewropa kkonkludiet bħala mhux sodisfaċenti l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għamlet lill-Gvern f’riżoluzzjoni għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u biex tiġi żgurata ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-kumitat qal dan wara li approva r-rapport tad-deputat Olandiż Pieter Omtzigt li janalizza l-progress li għamlu l-awtoritajiet Maltin f’riżoluzzjoni li saret sena u nofs ilu.

Dwar is-saltna tad-dritt, il-kumitat qal ir-rispons tal-Gvern Malti ma kienx sodisfaċenti, waqt li fuq it-tmiem tal-impunità f’każi ta’ korruzzjoni, ir-rispons la kien sodisfaċenti u lanqas ma rrenda f’riżultati konkreti. Il-kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa sejjaħ lill-Gvern Malti biex iżomm lura milli jimponi żmien limitat fuq l-inkjesta li għaddejja bħalissa dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

B’reazzjoni, il-Gvern qal li minkejja l-kuntatt regolari ma’ Pieter Omtzigt dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, ir-rapport ma jagħtix stampa ċara tar-riformi kostituzzjonali u istituzzjonali bla preċedent li saru mill-Gvern, li ntqal għaddew b’vot unanimu fil-Parlament u li huma bażi soda għal riformi oħra li jridu jsiru bil-konvenzjoni kostituzzjonali mmexxija mill-President.

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-saltna tad-dritt tikkonferma li l-Gvern falla mit-test tal-governanza tajba. Il-kelliem Karol Aquilina qal li minflok saħħaħ l-istituzzjonijiet, il-Prim Ministru għażel li jkomplu fuq l-eżempju tal-predeċessur tiegħu billi jikkontrolla u jdgħajjef l-istituzzjonijiet għal skopijiet partiġġjani.

U l-Partit Laburista qal li waqt li dan il-Gvern ħadem biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiż bi sforzi li ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja, hu ċar li l-unika ħaġa li ddgħajfet kienet l-Oppożizzjonijiet li trid tagħti l-lezzjonijiet lil ħaddieħor u hi stess ma tgħallimtx il-lezzjoni.