Lokali
Is-santi u l-midinba jingħaqdu flimkien f’każin Barokk

Il-programm kulturali ta’ Valletta 2018 se jinkludi proġett teatrali u viżwali msejjaħ ‘każin barokk’ li jinseġ flimkien is-santi u l-midinba, il-Barokk u l-modern u l-kuluri tal-festi fost l-oħrajn.

Bħala parti minn dan il-proġett, ġimagħtejn oħra se jsiru workshops għal individwi fl-oqsma tal-arti u d-disinn, l-iżvilupp tas-software, l-inġinerija mekkanika u persuni kreattivi biex ifasslu programm li jgħaqqad esperjenzi u identitajiet differenti.

Ftit iktar minn mitt ġurnata minn meta l-Belt Valletta tibda s-sena bħala l-Kapitali Ewropea tal-kultura, f’workshop żgħir fi sqaq f’Ħal Luqa sibna lill-Perit William Bondin u l-kollegi tiegħu jħejju għall-ewwel serje ta’ workshops bit-tema performative machines li matulhom artisti u tekniċi huma mħeġġa jattendu biex ifasslu produzzjonijiet kreattivi li jsiru s-sena d-dieħla.

Il-Perit William Bondin qal li “flimkien kemm magħna kif ukoll mad-direttur kreattiv ta’ Valletta2018 se nkunu qed niddiżinjaw mekkaniżmu u nagħmlu proto-type li ħa jintuża fil-performance ‘każin barokk’ jiġifieri flimkien ħa nużaw 3-D printers, laser cutters, xi open source electronics ukoll biex flimkien niddiżinjaw u nibnu dan il-mekkaniżmu”.

Il-Perit Bondin qal li l-idea hi li mill-workshops li se jsiru bejn it-18 u l-21 ta’ Settembru, jibda jitfassal il-mudell robotiku u mekkanizzat li se jintuża fil-wirja viżwali u mużikali ispirata mill-era barokka kif spjegat il-manager tal-produzzjoni, Cathy Lawlor.

Min-naħa tagħha, il-Manager tal-produzzjoni każin barokk, Cathy Lawlor qalet li “it’s based on the baroque idiom but not in terms of architecture more on the way people used to live in the baroque era and taken in a modern context and contemporary way so drawing on the idea of playing and gambling to a degree and bringing those into theatre performance”

Il-workshop se jgħaqqad firxa wiesa’ ta’ dixxiplini li jinkludu l-arti viżiva, il-qasam diġitali, l-artiġjanat, l-arti performattiva u x-xjenza tal-kompjuter. Kull min interessat jattendi bla ħlas jista’ japplika mill-website ta’ Valletta 2018 sal-ħamis 14 ta’ Settembru.