Reliġjon
Is-Santwarju Ta’ Pinu jgħaqqad lill-Insara madwar id-dinja bir-rużarju

Ix-xahar ta’ Mejju huwa ddedikat lit-talba tar-rużarju u din is-sena għaqqad il-komunità Kattolika madwar id-dinja b’din it-talba.

Fl-aħħar gimgħa ta’ dan ix-xahar ir-rużarju ngħad virtwalment minn santwarji Marjani madwar id-dinja fosthom mis-Santwarju ta’ Pinu f’Għawdex.

Id-devozzjoni li matul ix-xahar ta’ Mejju jingħata ġieħ lill-Madonna tmur lura s-sekli. It-tradizzjoni tindika li meta l-poplu nisrani kien iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet kbar kien idur lejn il-Madonna għall-għajnuna.

Jingħad li d-devozzjoni lejn Marija Verġni kienet diġà nibtet sew fis-Seklu 13. Ix-xahar ta’ Mejju kien diġà kollu kemm hu ddedikat għat-talb lill-Madonna iżda fl-1965 il-Papa Pawlu VI, f’enċiklika, identifika x-xahar ta’ Mejju bħala perjodu partikolari għat-talb permezz tar-reċita tar-rużarju.

Hekk ġara wkoll din is-sena iżda fuq livell internazzjonali għax l-insara madwar id-dinja setgħu jitolbu flimkien it-talba tar-rużarju flimkien mal-Papa Franġisku.

Matul dan ix-xahar ir-rużarju ngħad minn santwarji Marjani minn madwar id-dinja, fosthom Lourdes, Fatima, Guadalupe u Medjugorje.

Fost dawn is-santwarji kien hemm is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex minn fejn din il-ġimgħa kien imxandar ir-rużarju.

Din is-sena permezz tat-talba tar-rużarju l-Papa, flimkien mal-Insara madwar id-dinja, talbu biex titrażżan u tintemm il-pandemija tal-coronavirus li temmet il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja.

Ir-rużarju minn Ta’ Pinu kien dedikat għall-edukaturi, għalliema u studenti li minħabba l-pandemija biddlu kompletament kif jgħallmu u jitgħallmu.

Preżenti għar-reċita tat-talba tar-rużarju fis-Santwarju ta’ Pinu kien hemm l-Arcisqof Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma kif ukoll il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana u għadd ta’ personalitajiet oħra li jaħdmu u jagħtu s-servizz tagħhom fil-qasam edukattiv.

Kien il-Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni li mexxa ‘l quddiem din l-inizjattiva li l-komunità Kattolika tingħaqad fit-talb permezz tat-talba tar-rużarju.

Il-Papa Franġisku fetaħ din il-katina ta’ talb minn postijiet Marjani li għandhom importanza sinifikanti fil-Vatikan.