Knisja Maltija
Is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu se jieħu sehem fir-Rużarju li se jitmexxa mill-Papa Franġisku

Is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu se jingħaqad ma’ Santwarji Marjani ewlenin minn madwar id-dinja biex jieħu sehem f’Rużarju li se jitmexxa mill-Papa Franġisku quddiem il-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fil-ġonna tal-Vatikan. Dan se jixxandar għada s-Sibt fuq TVM2.

Is-Sibt 30 ta’ Mejju kellu jkun il-jum li fih il-Papa Franġisku kien se jkun fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex u minħabba l-Coronavirus dan il-pelleġrinaġġ u ż-żjara tal-Papa f’Malta ġew posposti. Madankollu, il-Papa Franġisku ser jagħmel it-talba tar-Rużarju quddiem il-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fil-ġonna tal-Vatikan u kienet xewqa tiegħu li dan isir ukoll fl-istess ħin fis-santwarji nazzjonali.

Il-Papa għamel sejħa biex jingħad ir-rużarju bħala talba biex il-Madonna tinterċedi għad-dinja f’din l-imxija. Minħabba li f’dak il-jum u fl-istess ħinijiet il-Papa Franġisku kellu jkun fis-Santwarju ta’ Pinu, l-istess Santwarju ġie mistieden flimkien mas-santwarji Marjani ewlenin ohra mid-dinja kollha biex jieħu sehem f’dan ir-rużarju.

Il-Public Broadcasting Services u ċ-Centro Televisivo Vaticano qed jikkollaboraw biex titwassal mad-dinja kollha din ix-xandira speċjali. F’Malta din ser tixxandar fuq TVM2 fil-5.30pm. Il-PBS, is-CTV u Radio Vaticana għandhom ftehim ta’ koperazzjoni awdjoviżiva li ġie iffirmat minn Padre Federico Lombardi bħala ex Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede u ċ-Chairman tal-PBS, Dott Tonio Portughese.