Riċerka u Innovazzjoni
Is-satelliti fl-ispazju fuq Malta huma sors ta’ informazzjoni dwar il-kurrenti tal-baħar madwarna

Is-satelliti li hawn fl-ispazju fuq Malta jipproduċu informazzjoni utli dwar il-kurrenti tal-baħar u l-effetti li għandhom fuq il-kosta Maltija. Grupp ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta ħolqu sistema teknoloġika li permezz tagħha jkunu jistgħu janalizzaw b’iktar reqqa l-immaġni tas-satelliti biex fost l-oħrajn jintużaw għat-tbassir tat-temp.

Grupp ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta għaddejjin bil-proġett SAT Fire li għandu l-għan li titjieb il-kwalità tal-immaġini bis-satelliti, fosthom dawk li jittieħdu mil-Landsat-8. Dan biex janalizzaw fost fatturi oħrajn, il-kurrenti tal-baħar u l-impatt tagħhom fuq il-kosta Maltija.

“Qed nipproċessaw is-satellite imagery u l-iskop huwa li jekk intejbu ir-resolution ta’ dawn l-images, il-kwalità ta’ kemm nistgħu naraw dettal, nistgħu itejbu wkoll il-performance ta’ ċertu mudelli idroniġi li jistgħu jgħidulna il-kurrenti kif qegħdin,” qal Gianluca Valentino, riċerkatur fl-Università ta’ Malta.

L-inġinier Gianluca Valentino qal li r-riċerkaturi ħolqu proċess teknoloġiku biex l-immaġini tas-satellita jkunu iktar ċari bil-għan li tiġi studjata aħjar il-kosta Maltija.

“Fil-każ tal-kurrenti, il-kwistjoni hi li r-riżoluzzjoni ta’ bħalissa hija vera baxxa, 1 km per pixel, dan hija skala wisq żgħira, wisq coarse, biex naraw temperaturi u kurrenti madwar il-kosta speċjalment fejn hemm interaction bejn l-art u l-baħar, allura la nistgħu ntejjbu ir-riżoluzzjoni ta’ dawn l-images nistgħu noħorġu monitoraġġ aktar accurate tal-kurrenti madwar il-kosta,” qal Gianluca Valentino.

L-inġinier Valentino qal li l-proġett qed iqabbel l-immaġini ta’ Landsat-8 ma’ satelliti oħrajn fosthom is-Sentinel 3. Spjega li l-informazzjoni mis-satelliti, bħat-temperaturi tal-wiċċ tal-baħar, jagħtu stampa aħjar tal-kurrenti tal-baħar, li huma importanti ħafna għall-bugħaddasa u għal dawk li jieħdu sehem f’operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, monitoraġġ u sigurtà tal-kosta.

“Bħal meta naraw it-tbassir tat-temp, hemm min jiċċekja t-tbassir tal-kurrenti u l-fatt li aħna nipprovdu dan it-tbassir iktar accurate dan jista’ jkun iżjed ta’ benefiċċju għal dawn it-tip ta’ nies,” qal Gianluca Valentino.

Il-proġett kiseb l-appoġġ tal-Fond Nazzjonali tar-Riċerka dwar l-Ispazju fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Ir-riċerkaturi jiffurmaw parti minn tim multidixxiplinarju mid-dipartimenti tal-Geoxjenza u l-Computer Engineering tal-Università ta’ Malta.