Sajd
Is-sawrell bl-għasel irebbaħha kompetizzjoni ta’ tisjir bil-ħut tradizzjonali

Studenti li jħobbu l-ħut tradizzjonali Malti, b’uħud minnhom jaspiraw li jsiru koki meta jikbru, rebħu diversi premijiet għas-sehem tagħhom f’kompetizzjoni bit-titlu Fishing For Recipes, li saret bil-għan li l-Maltin u l-Għawdxin jitgħallmu fuq il-ħut li jinqabad mis-sajjieda Maltin.

L-ewwel premju ntrebaħ minn Adreana Chircop ta’ 11 -il sena, li sajret platt bis-sawrell. L-attività organizzata mid-dipartiment tas-sajd u akwakultura kienet ittellgħet biex tfakkar il-jum internazzjonali tas-sajd, li jiġi ċċelebrat f’Novembru.

Mal-erbgħin tifel u tifla ħadu sehem fil-kompetizzjoni organizzata biex it-tfal jitgħallmu iktar fuq ħut tradizzjonali Malti, fejn fost l-iktar popolari huma l-lampuki, pixxispad, tonn, u anki qarnit.

Alicia Said, Direttur tad-dipartiment tas-sajd u akwakultura, qalet li f’għaxar snin is-sajjieda Maltin qabdu mat-tliet mitt speċi ta’ ħut differenti, fejn hemm speċi li mhumiex popolari imma li jinqabdu skont l-istaġuni, bħal dawk li jissejħu tumbrelli, ħamiema, kavalli u anki dak li jissejjaħ pappagall.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni, Adreana Chircop, qalet li ħadet gost mhux biss għax rebħet, iżda għax tgħallmet mill-esperjenza. “Vera ferħana, sawrell bl-għasel, tgħallimt riċetta ġdida, għax id-dar inħobbu ħafna nsajru l-ħut.”

Ara x’kellhom xi jgħidu l-istudenti l-oħra li pparteċipaw fil-kompetizzjoni:

Il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo, qal li kompetizzjoni bħal din tħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex japprezza u jiekol il-ħut frisk Malti, aktar u aktar meta f’pandemija is-sajjieda tant batew għaliex ma kellhomx biżżejjed begħ biex isostnu l-industrija.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li kompetizzjoni bħal din tagħmel il-ġid, għaliex it-tfal ħadu l-edukazzjoni tagħhom fuq din l-industrija tas-sajd lil hinn mill-bank tal-iskola, u ħadu esperjenza ħajja tal-prodott lokali Malti.