Immigrazzjoni
AĠĠORNAT: 44 immigrant iddaħħlu Malta

44 immigrant iddaħħlu Malta fl-16:00 ta’ waranofsinhar abbord patrol boat tal-Forzi Armati, wara li fi stqarrija tal-Armata ntqal li dawn ġew salvati matul il-lejl miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fir-responsabilità ta’ Malta. Fost l-immigranti kien hemm erba’ nisa u tliet itfal, l-iżgħar fosthom tarbija ta’ sena u tliet xhur.

L-44 immigrant ġew trasferiti fuq patrol boat minn fuq il-vapur Alan Kurdi tal-għaqda mhux governattiva Ġermaniża, Sea Eye.

Aktar qabel, l-għaqda qalet li dawn ġew salvati mill-ekwipaġġ tal-Alan Kurdi. Dan seħħ ftit wara li l-vapur reġa’ ssokta bil-ħidma tiegħu wara li l-Ħadd li għadda ttrasferixxa 65 immigrant ieħor għal fuq il-patrol boat tal-Forzi Armati. Dak il-grupp ta’ immigranti kien iddaħħal Malta u bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ġermaniż se jiġu rilokati f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Skont Sea Eye, l-aħħar ħidma ta’ salvatagg li fiha kienu involuti lanċa tas-sajd Tuneżina, ajruplan tat-tiftix u vapur tal-merkanzija kienet kordinata minn Malta. L-immigranti eventwalment ittellgħu abbord l-Alan Kurdi u skont l-għaqda stqarrew li kienu telqu minn Zuwara fil-Libja, is-Sibt filgħodu.

Aktar kmieni:

L-organizzazjoni Ġermaniża Sea Eye qalet fi stqarrija li l-ekwipaġġ tal-vapur Alan Kurdi salva 44 immigrant mill-Mediterran għat-tieni darba minn nhar il-Ġimgħa u mistenni jgħaddihom lill-Armata Maltija dalwaqt.

Fl-istqarrija ngħad li fost l-44 immigrant salvat hemm erba’ nisa u tlett itfal, u huma mis-Sirja, l-Libja, l-Pakistan, il-Bangladesh u l-Guinea. Żiedu li t-trasferiment tal-immigranti għal fuq il-patrol boat tal-Forzi Armati diġà hu kollu ppjanat.

Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta madanakollu ċaħdet l-involviment tal-armata.

Sea Eye qalu li l-immigranti ġew salvati wara li l-vapur baħħar lejn iż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana wara li għadda 65 immigrant lill-Forzi Armati ta’ Malta nhar il-Ħadd filgħaxija.

Qalu li kif waslu fiż-żona, huma semgħu lanċa tas-sajd Tuneżina u ajruplan li jewettaq ħidma ta’ tiftix jirrapurtaw id-dgħajsa li kienet teħtieġ l-għajnuna liċ-ċentru marittimu Malti, bl-organizzazzjoni qalet li offriet l-għajnuna lill-awtoritajiet Maltin. Il-Vapur ta’ merkanzija MV ‘IVER BEST’ ġie inkarigat bil-koordinament fuq il-post.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

L-għan taċ-ċentru interattiv tax-xjenza, Esplora, hu li jservi ta’ pont bejn it-teorija u l-prattika. Iċ-ċentru fil-Kalkara ppreżenta l-programm edukattiv għas-sena skolastika li ġejja lill-għalliema, li ngħataw preżentazzjoni dwar il-faċilitajiet u…

Kultura

Fil-Villa Schinas, f’Tas-Sliema, grupp ta’ żgħażagħ Slimiżi għaddejjin bit-tħejjijiet għad-dramm Demm il-Parrucchier, produzzjoni teatrali li ser tfakkar lil Manwel Attard, wieħed mill-vittmi tal-irvellijiet li seħħew fis-7 ta’ Ġunju, ta’ mitt…

Lokali

Ġuvni ta’ 16-il sena weġġa’ gravi wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular waqt li kien qiegħed fuq pont. Kien ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-10, meta l-Pulizija tal-Għassa Rabat ġiet infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa li…

Edukazzjoni

Fix-xhur tas-sajf, meta ħafna mill-iskejjel ikunu baħħ, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħa l-okkażjoni jwettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ u faċilitajiet ġodda fi kważi 100 skola tal-Gvern madwar Malta u Għawdex. Ħafna…

Aktar