Waqt il-Kafé
Is-seftura u s-sinjura

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Missirijietna kienu jgħidu li “Jekk toħroġ is-seftura, toħroġ is-sinjura.” U b’dan il-qawl kienu jirreferu għal Santa Katerina u għall-Kunċizzjoni. Mhux għax xi waħda minnhom hija seftura. Xejn minn dan.

Il-festa ta’ Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru waqt li l-Kunċiżżjoni tiġi fit-8 ta’ Diċembru; inqas minn ġimgħatejn wara. Sa ftit snin ilu fiż-Żejtun, il-festa ta’ Santa Katerina kienu għadhom jagħmluha f’Novembru, waqt li f’Bormla l-Kunċizzjoni għadha ssir fil-ġurnata tagħha u l-Bormliżi żgur li ma jċaqilquhiex.

Huma żewġ dati fix-xitwa u għalhekk l-organizzaturi dejjem kienu jittamaw li ma jinqalax maltemp biex il-festa tirnexxi. Forsi kienet superstizzjoni? Ma nafx. Imma kienu jgħidu li jekk ma jkunx maltemp u toħroġ Santa Katerina, imbagħad jiġri l-istess fit-8 ta’ Diċembru u toħroġ il-Kunċizzjoni wkoll.

Imma allura għalfejn kienu jsejħulhom seftura u sinjura? Żgur mhux b’disprezz. Il-Madonna żgur ħadd ma jiddubita għala tissejjaħ sinjura. Il-pożizzjoni tagħha żgur tpoġġiha ’l fuq mill-qaddisin kollha.

U dak iż-żmien is-sinjuri kollha kellhom is-seftura fi żmien meta l-klassijiet soċjali kienu wiesa’ ħafna u bogħod minn xulxin. U allura fil-lingwaġġ ta’ dak iż-żmien, qabblu liż-żewġ festi bħala waħda tas-seftura u l-oħra tas-sinjura, probabbilment anki biex il-qawl ikun jirrima; il-kelma seftura taqbel mal-kelma sinjura.

Kont tara djar kbar, tas-sinjuri, li minbarra l-bieb prinċipali kien ikollhom bieb ieħor, iżgħar, f’ġenb minnhom biex jużawh is-sefturi. Minn dan il-bieb sekondarju jiddaħħlu wkoll il-provvisti ta’ ikel u kull bżonn ieħor waqt li l-bieb il-kbir jintuża biss għas-sinjuri nfushom u għall-mistednin tagħhom.

Kien hemm każi fejn is-sefturi kellhom ukoll ftit kmamar fejn jgħixu huma u l-familja tagħhom f’tarf tad-dar kbira, biex ikunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom il-ħin kollu. Il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ma kinux bħal-lum u f’każi bħal dawk ma stajtx tieqaf mix-xogħol għax għaddewlek it-tmien sigħat.

Illum il-festa taż-Żejtun qed issir fis-sajf u għalhekk jagħmel x’jagħmel it-temp fil-25 ta’ Novembru ftit jinkwieta liż-Żwieten. Imma lill-Bormliżi jeffettwahom. Għaliex jekk il-qawl huwa minnu, jkunu jafu bejn wieħed u ieħor kif se jkun it-temp fil-festa tagħhom…

Jekk imbagħad il-qawl ma jaqtax… inwaħħlu fil-bidla tal-klima.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-President ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura tiegħu Miriam ivvutaw fiż-Żejtun. Huma vvvutaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Aktar kmieni vvutaw il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-votazzjoni…

Qorti

Raġel ta’ 49 sena residenti l-Gżira nħeles mill-arrest wara li darab ħafif lis-sieħba tiegħu li jgħixu flimkien. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-vittma qalet li tixtieq li jibqgħu jgħixu flimkien u…

Qorti

Liam Debono nżamm arrestat wara li mill-ġdid sab ruħu l-Qorti b’rabta mal-arrest li seħħ ilbieraħ wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Debono ġie akkużat li lbieraħ…

Aktar