Infrastruttura
Is-sejħa għall-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex toħroġ sa 6 xhur oħra

Il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg ħabbar li sa sitt xhur oħra se toħroġ sejħa ta’ interess internazzjonali biex jibda l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Il-Ministru Borg tkellem dwar il-proġett tal-Marsa Junction u qal li minn nofs dan ix-xahar se jkun hemm arranġamenti ġodda tat-traffiku biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq l-ewwel pont minn seba’ li se jgħaqqad Triq Aldo Moro ma’ Triq Garibaldi.

Huwa qal dan f’laqgħa tal-Kabinett li fiha ġew spjegati l-proġetti tal-Gvern fil-qasam tal-Infrastruttura.

Fil-laqgħa tal-Kabinett li saret fl-uffiċini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija, il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li wara li ġew identifikati l-ewwel 120 triq residenzjali li se jinbnew mill-ġdid bħala parti mill-investiment fit-toroq ta’ €700 miljun, l-aġenzija tat-toroq Infrastructure Malta qed taħdem biex tidentifika t-tieni u t-tielet grupp ta’ toroq residenzjali li se jinbnew mill-ġdid.

Dwar il-proġett tal-Marsa Junction, il-Ministru Borg qal li wara l-festi tar-Repubblika se jkun hemm arranġamenti ġodda għat-traffiku biex jibda x-xogħol fuq l-ewwel struttura minn seba’, bl-ewwel pont se jgħaqqad Triq Aldo Moro ma’ Triq Garibaldi.

Il-Ministru Borg ħabbar li ħarġu l-permessi biex jinbnew il-mini f’Santa Luċija, bix-xogħol fuqhom ippjanat li jibda s-sena d-dieħla. Dwar Triq Reġjonali, il-Ministru Borg qal li għaddejjin xogħlijiet biex il-pont li hemm f’din it-triq jiġi elevat u b’hekk tiżdied is-sigurtà għax-xufiera.

Fuq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, il-Ministru Borg ħabbar li għal nofs is-sena d-dieħla, Infrastructure Malta se toħroġ sejħa internazzjonali biex jibda x-xogħol fuq il-mina, li se tkun twila 13-il kilometru u nofs. Id-dħul u l-ħruġ tal-mina se jkunu fil-Limbordin, fl-inħawi tal-Mellieħa u fl-inħawi tat-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur. Spjega li għaddejjin tħejjijiet għal studju dwar l-impatti ambjentali tal-mina. Il-Ministru Borg qal li l-Gvern huwa determinat li jlesti dan il-proġett biex fi kliemu jwettaq il-ħolma tal-Għawdxin.

Dwar it-trasport pubbliku, Dr Borg qal li dan is-settur ra titjib kbir u sal-aħħar tas-sena huwa stmat li dan se jkun ġarr 52 miljun passiġġier. Qal li din is-sena bil-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn, mistenni jibbenefikaw 27,000 student u studenta. Il-Ministru għat-Trasport ħabbar ukoll li se titwaqqaf aġenzija li se tibda tagħmel investigazzjonijiet fuq inċidenti relatati mat-trasport. Qal li din l-aġenzija se tgħin biex il-pajjiż jitgħallem mill-inċidenti, bit-tama li jiġu evitati inċidenti simili.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Kisbiet

Imwieled Malta u emigra lejn l-Awstralja 44 sena ilu wara li gradwa mill-Università ta’ Malta dak iż-żmien kienet magħrufa bħala The Royal University of Malta. F’intervista ma’ TVM, il-Professur Stephen…

Aktar