Lokali
Is-sejħiet għall-għajnuna ta’ saħħa mentali jiżdiedu b’500% minħabba l-Covid

Minn mhux aktar minn 600 sejħa għall-għajnuna fis-sena, il-Fondazzjoni Richmond din is-sena se tmiss is-7,000 sejħa għall-għajnuna minħabba problemi ta’ saħħa mentali.

Il-Fondazzjoni qalet li l-impatt tal-pandemija tal-Covid fuq is-saħħa mentali tan-nies f’Malta kien kbir ħafna u baqa’ jiżdied sostanzjalment matul ix-xhur.

B’żieda fid-domanda għas-servizzi, il-pandemija ħalliet impatt negattiv fuq il-finanzi tal-Fondazzjoni Richmond li nediet kampanja ta’ għajnuna finanzjarja bil-għan li tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi tagħha.

Il-pandemija tal-Coronavirus ħalliet impatt qawwi fuq is-saħħa mentali – li żviluppa f’fażijiet minn ansjetà u biża’ għall-għejja u dipressjoni.

Mindu faqqgħet il-pandemija f’Marzu tas-sena li għaddiet is-sejħiet għall-għajnuna fuq numru 1770 tal-Fondazzjoni Richmond żdiedu b’500%. Minn medja ta’ bejn 400 u 600 sejħa għall-għajnuna fis-sena qabel il-pandemija għal kważi 7,000 telefonata din sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Stephania Dimech Sant qalet li dawn huma kollha persuni li fittxew l-għajnuna minħabba l-effett li kellha l-pandemija fuq is-saħħa mentali tagħhom. Saħqet li l-problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jolqtu lil kulħadd.

“Kif l-effett beda jtul u l-miżuri bdew itulu bdejna naraw iktar sintomi dipressivi. In-nies ġewwa mhux jiltaqgħu ma’ nies oħrajn u hemm bdejna naraw sintomi dipressivi. Issa dan ix-xahar bdejna naraw ħafna kriżijiet jiġifieri żdiedu s-sejħiet min-nies li qed jikkunsidraw li jweġġgħu lilhom infushom, is-sejħiet min-nies li jkunu qegħdin jikkontemplaw suwiċidju so dan ix-xahar rajna din il-peak.”

Fl-ewwel ħames xhur tas-servizz olli.chat, il-professjonisti tal-Fondazzjoni Richmond assistew f’1,250 taħdita għall-għajnuna. Is-Sinjura Dimech Sant qalet li kull każ jiġi segwit għalih skont il-bżonn – b’numru kbir ta’ nies ikollhom bżonn li jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-professjonisti sakemm jerġgħu jqumu fuq saqajhom.

“Xi wħud minnhom imbagħad ikollna wkoll noffrulhom terapija b’xejn għaliex hawn min ma jaffordjax it-terapija allura noffrulhom terapija b’xejn. Ġieli jkollna calls ta’ kriżi fejn inti trid tagħmel kuntatt ma’ servizzi ta’ emerġenza biex dak li jkun tissalvagwardjalu ħajtu.”

Il-pandemija tal-Coronvirus fissret piż finanzjarju akbar fuq il-Fondazzjoni Richmond li investiet u introduċiet servizzi ġodda biex toffri tama lil aktar nies li qed jissieltu f’mumenti iebsa.

Is-Sinjura Dimech Sant qalet li l-Fondazzjoni se tagħlaq din is-sena b’€200,000 minn taħt u qed tbassar li s-sejħiet għall-għajnuna se jkomplu jiżdiedu. Għal dan il-għan il-Fondazzjoni Richmond nediet kampanja ta’ għajnuna finanzjarja li se twassal sal-Milied biex tkun tista’ tibqa’ toffri servizz professjonali.

www.richmond.org.mt › the-gift-of-therapy