Pulizija
Tnaqqis sinifikanti fir-rapporti ta’ reati kriminali – 16% inqas imqabbla mal-2019

Ir-rata tar-reati kriminali rrapurtati fit-tnax-il xahar li għaddew naqset għar-raba’ sena infila, bit-tnaqqis fl-aħħar sena kien fil-livell ta’ 16%. Dan joħroġ mir-rapport annwali dwar ir-reati kriminali rrappurtati lill-Pulizija f’Malta miġbur mill-kriminologu Saviour Formosa.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, qal li fil-bidu tal-pandemija kien hemm biża’ li l-kriminalità se tiżdied minħabba diversi ċirkustanzi. Żied jgħi li l-preżenza ta’ aktar Pulizija fit-toroq qed tagħti l-frott.

Ir-rapport wera kif fl-aħħar sena kien hemm żieda sostanzjali f’rapporti dwar użu ħażin tal-kompjuter, bil-Kummissarju tal-Pulizija jindika li li l-korp qed jagħti widen għal dan.

Matul is-sena li għaddiet kien hemm 13-il elf u seba’ u tmenin offiża li ġew rrappurtati lill-Pulizija; elfejn u ħames mija anqas mit-total ta’ rapporti li saru fl-2019. Rapport imfassal mill-kriminologu Saviour Formosa juri li fost l-akbar tnaqqis kien hemm is-serq, bir-rapporti naqsu b’31%. Rapporti ta’ ħsarat naqsu b’dsatax fil-mija, il-ġrieħi fuq persuni b’sittax fil-mija, u l-offiżi sesswali b’erbatax fil-mija/ Kien hemm ukoll anqas reati li nvolvew vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi u nirien li tqabbdu apposta. Is-sitt delitti li twettqu s-sena l-oħra ġew solvuti, b’disa’ persuni tressqu l-qorti mixlija bl-omiċidji fosthom tnejn li nġiebu lura Malta wara li ħarbu mill-pajjiż.

Mill-banda l-oħra, fl-2020 żdiedu b’44% ir-reati relatati ma’ użu ħażin tal-komputer u b’24% l-każi rappurtati ta’ vjolenza domestika. Żidiet oħra kienu nnutati f’reati marbuta mal-immigrazzjoni, prostituzzjoni, ħasil ta’ flus u każi marbuta ma’ droga.

L-awtur tar-rapport, il-Professur Saviour Formosa qal li r-reati jevolvu skont l-opportunitajiet li jkunu disponnibbli għall-kriminali. Ibassar li fis-snin li ġejjin, ir-reati jxaqilbu iżjed lejn atti li jitwettqu fl-ispazju virtwali u fuq l-internet.

“Hawn qegħdin f’dinja virtwali fejn l-aggressuri mhux bilfors ikun hawnhekk jew lokali, dawn hawnhekk qed nistennew li biż-żmien iżjed mas-soċjetà tinbidel u tmur virtwali, b’augmented u mixed reality hemm hekk is-soċjetà trid tkun ippreparata.”

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li qed isir investiment sostanzjali biex il-korp ikun attrezzat biex jissielet dawn ir-reati. Semma li għaddej ix-xogħol fuq ċentru speċjalizzat biex il-Korp jissielet aħjar il-kriminalità fuq l-internet. Qal li dan mistenni jkun inawgurat iżjed tard din is-sena. Is-Sur Gafa’ tkellem ukoll dwar tisħiħ tal-komponent analitiku fil-korp, bl-ingaġġ ta’ esperti biex jgħinu fl-investigazzjonijiet u ħidmet il-Pulizija f’oqsma varji.

“Dawn mhumiex pulizija, iżda qed jassistu lil pulizija. M’għandhomx il-poteri eżekuttivi allura dawn huma nies imħarrġa u gradwati mill-università li se jkunu qed jassistu fl-investigazzjonijiet, jippruvaw jgħaqqdu d-dots kif ukoll bl-informazzjoni u bl-intelligence li nkunu qed niġbru jagħmlulna analiżi.”

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, ikkummenta li filwaqt li fl-2015 ġew rappurtati medja ta’ 42 reat għal kull elf persuna, is-sena l-oħra kienu rappurtati ftit aktar minn 25 reat għal kull elf persuna. Dr Camillleri qal li għalkemm wieħed irid ikun kawt għax is-sena li għaddiet kienet karatterizzata minn pandemija, l-indikaturi juru li l-istrateġija mħaddma mill-Pulizija li joħorġu iżjed uffiċjali fit-toroq kienet effettiva.

“Huma reati li l-korp tal-pulizija qed jaħdem ħafna fuqhom allura jista’ jkun li dawn ir-riżultati waslu wkoll għax il-korp tal-pulizija alloka iżjed riżorsi allura huwa iżjed effiċjenti.”

Fost l-inizjattivi biex minflok wara bank jistennew r-rapporti ikun hawn preżenza akbar ta’ Pulizija fit-toroq, il-Ministru Camilleri semma l-proġett tal-Pulizija tal-Komunità li qal se jkompli jinfirex.