Is-Sena 2020, sena indimentikabbli għal Haley Buġeja wara sena ta’ prestazzjonijiet spettakolari mat-Tim ta’ Sassuolo fl-Italja

F’għeluq l-aħħar tas-sena, ‘Popolin’ analizza persuni u personalitajiet Maltin li għamlu ġieħ kemm lilhom infushom, kif ukoll lil Malta bħala nazzjon.

Mil-lenti sportiva kien hemm numru ta’ persuni li għamlu ġieħ lil pajjiżna anke barra minn xtutna. Ma nistgħux ma nsemmux l-avvanz kbir li sar mit-tim nazzjonali Malti tal-futbol kemm dak tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. Fost numru ta’ persuni li spikkaw fix-xena sportiva insibu lil Haley Buġeja, plejer tal-futbol li tat prestazzjonijiet spettakolari mat-tim ta’ Sassuolo fis-Serie A tal-Italja. Il-Gazzetti Taljani saħansitra sejħulha bħala Messi ċ-ċkejkna. F’intervista ma’ ‘Popolin’ Haley qalet li meta tiskurja gowl ikun wieħed mill-isbaħ emozzjonijiet fil-futbol; “kienet emozzjoni li qatt ma esperjenzajt qabel”. Qaltilna li ħassitha onorata meta saret taf li tim ta’ kalibru bħal ma hu s-Sassuolo kien interessat fiha.

Sirna nafu li Haley ilha tilgħab il-futbol mill-età tenera ta’ ħames snin. Kienet titħarreġ mat-tim tas-subien ta’ Birkirkara. Ta’ ħdax -il sena ngħaqdet mat-tim tal-imġarr biex tiffoka iktar fuq il-futbol tan-nisa. Spjegat li din is-sena ma kienitx faċli, speċjalment biex tidra s-sistemi ta’ taħriġ ta’ tim bħal Sassuolo li huma kompletament differenti minn dak li aħna mdorrijin bih f’Malta; “kienet sena stramba, biss kienet waħda mill-isbaħ snin ta’ ħajti, jekk mhux l-isbaħ”.

Spjegat li kienet sena indimentikabbli anke għaliex it-tim nazzjonali Malti tan-nisa kisbu suċċess wara ieħor “Naħseb li fl-aħħar snin il-futbol tan-nisa ġabar rispett kbir” temmet tgħid Haley.