Ekonomija u Finanzi
Is-sena l-oħra l-FIAU għaddiet lill-Pulizija 61 rapport fuq ħasil ta’ flus

Is-sena li għaddiet, il-Financial Intelligence Analysis Unit, l-FIAU, ippreżentat lill-Pulizija 61 rapport minħabba suspett ta’ ħasil tal-flus biex jiġu investigati.

Mir-rapport annwali li tpoġġa fuq il-mejda tal-Parlament, joħroġ li fl-2019 l-FIAU rċeviet rekord ta’ 2,778 rapport ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, l-iktar minn kumpaniji tal-gaming u istituzzjonijiet ta’ kreditu.

Fl-2019 is-sezzjoni tal-analiżi finanzjarja tal-FIAU investigat ftit inqas minn 3,000 rapport (2,778) ta’ tranżazzjoni suspettuża ta’ flus. Dawn it-tranżazzjonijiet kienu jinvolvu 4,788 persuna, li tliet kwarti minnhom ma kinux Maltin. Iktar minn nofs it-tranżazzjonijiet suspettużi (52%) tressqu minn kumpaniji tal-gaming filwaqt li l-FIAU nnotat żieda fir-rapporti li ressqu istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-banek.

Is-sena li għaddiet, l-FIAU saħħet ir-riżorsi umani b’27 uffiċjal għal total ta’ 70 impjegat. Fl-istess perjodu, l-FIAU għamlet kważi 14,000 talba għall-informazzjoni (13,696) lil madwar 1,650 entità, fosthom aġenziji simili barranin, lill-Pulizija u lid-Dipartiment tal-Gvern. L-iżjed talbiet saru lill-awtoritajiet fl-Italja (56) u fil-Ġermanja (49), filwaqt li barra mill-Unjoni Ewropea, l-FIAU għamlet 71 talba għall-informazzjoni lill-awtoritajiet fl-Istati Uniti, 26 talba fis-Sirja u 18-il talba fil-Qatar.

Fl-istess sena, l-FIAU għaddiet 61 każ lill-Pulizija għal iktar stħarriġ, wara li rriżulta li hemm suspetti raġonevoli ta’ reat. Id-Direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia, qal li l-każi jvarjaw. “Kellna frodi. Kellna wkoll traffikar tad-droga. Kellna evażjoni tat-taxxa, u kien hemm taħlita ta’ każi li kienu prattikament ikopru spettru ta’ elementi differenti.”

Fl-2019, l-FIAU bagħtet 20 rapport lill-Kummissarju tat-Taxxi dwar suspett ta’ evażjoni ta’ taxxa. “Il-Kummissarju tat-Taxxi rnexxielu jiġbor ‘il fuq minn €1.2 miljun f’taxxi u penali prattikament lura u dik hi parti mill-effettività tagħna billi nikkoperaw mal-entitajiet fuq bażi lokali.”

Is-Sur Farrugia qal li s-sena l-oħra, il-budget tal-FIAU kien ilaħħaq €10 miljun li l-maġġoranza tagħhom intużaw biex ġew ingaġġati esperti barranin. Dwar ir-rapport tal-MoneyVal, is-Sur Farrugia qal li l-FIAU se tkompli twettaq ir-rakkomandazzjonijiet li sarulha biex issaħħaħ il-ġlieda kontra r-reati finanzjarji.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħatar inkjesta skont il-liġi bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ każ fejn priġunier li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, kien rilaxxat mill-ħabs u deher…

Lokali

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost…

COVID-19

Tħassar ukoll il-kunċert ta’ Joseph Calleja li din is-sena kellu jsir fl-4 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana u li issa mistenni jsir f’format differenti. NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert li bħala…

Annimali

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li…

Aktar