Kronaka
Is-Serb akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ Hugo Chetcuti ġie Malta fl-aħħar jiem

Lejl ta’ drama f’Paceville bil-feriment gravi tal-imprenditur fl-industrija tad-divertiment Hugo Chetcuti li spiċċa jiġġieled għal ħajtu u l-arrest ftit wara tal-aggressur tiegħu li ta batikata lill-pulizija sakemm ġie mrazzan f’Tas-Sliema. Ftit aktar minn 12-il siegħa mill-attentat tiegħu, l-aggressur Bojan Cmelik mis-Serbja tressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn bl-attentat ta’ qtil ta’ Chetcuti. Huwa qed jiċħad l-akkużi u baqa’ miżmum arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Liebes boiler suit bajda u miexi b’pass ta’ nemla, Bojan Cmelik, Serb ta’ 35 sena, is-Sibt filgħodu ttella immanettjat il-Qorti, miżmum minn idejh it-tnejn bi pulizija fuq kull naħa.

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, huwa ġie akkużat li daħal fl-stabbiliment ġdid ta’ Hugo Chetcuti – ‘Seafood and Cocktail’, fi Triq Santa Rita f’Paceville u pprova joqtol lil Chetcuti ta’ 52 sena, b’żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku tiegħu. Bojan Cmelik ġie mixli wkoll li m’obdiex l-istruzzjonijiet tal-Pulizija, li ħebb għall-pulizija u rreżista l-arrest u li ġarr sikkina.

Fil-Qorti, l-Ispettur Nicolai Sant, li qed imexxi l-investigazzjonijiet spjega li għal ħabta tal-10.30 tal-Ġimgħa filgħaxija, ġew infurmati li seħħ feriment f’Paceville. Meta marru fuq il-post, ġew infurmati li l-agressur ħarab bil-ġiri lejn Spinola u kien segwit minn impjegati tal-istess stabbiliment u minn qraba ta’ Chetcuti.

L-ispettur xehed il-Pulizija, ingħataw deskrizzjoni tal-aggressur u bdew minnufih tfittxija għalih. Il-Pulizija lemħuh u waqqfuh qrib il-ġnien li hemm fil-Balluta. Is-Serb li huwa mibni bi statura ta’ sitt piedi, irnexxielu jiżgiċċa lill-Pulizija u telaq jiġri lejn Triq Sant’Elena, f’Tas-Sliema, fejn ġie ċċirkondat minn numru kbir ta’ pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett.

Fl-qorti Bojan Cmelik kien assistit mill-Avukat Ishmael Psaila u ma wieġeb għall-ebda mistoqsija. L-avukat tieħu qal biss li l-akkużat m’huwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih waqt li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukati Sarah Mifsud u Joe Giglio qed jidhru bħala parte ċivile għall-Hugo Chetcuti.

Aktar qabel il-Pulizija qalet fi stqarrija li waqt l-arrest, is-Serb ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u beda ihebb ghalihom tant li wħud minnhom sofrew xi ġrieħi. Il-pulizija qalet li minħabba tal-aggressjoni tar-raġel kellha tuża it-‘taser gun’ biex jiġi mrażżan. Minn tfittxija li saret fuqu instabet l-arma li allegatament intużat fil-feriment ta’ Hugo Chetcuti.

Wara l-arrest huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei minħabba xi ġrieħi ħfief li ġarrab huwa waqt li kien qed jipprova jaħrab. Wara ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan fejn qatta’ l-lejl fiċ-ċella sa filgħodu. Skont sorsi li tkellmu ma’ TVM Bojan Cmelik wasal Malta fl-aħħar jiem u mhux magħruf li l-aggressur u l-vittma kienu jafu lil xulxin.

Intant fl-isptar Hugo Chetcuti ġie operat u ħuh Isaac fuq Facebook kiteb li l-operazzjoni rnexxiet u li l-agħar għadda. Qal li ħuħ jinsab f’idejn tajba fl-isptar. Għalkemm ghadu f’kundizzjoni gravi fit-taqsima tal-kura intensiva, il-kundizzjoni tiegħu ġiet diskritta bħala stabbli. Jidher li l-azzjoni immedjata l-ġimgħat filgħaxija kienet kruċjali biex ma kompliex jitlef id-demm meta minn fuq il-post tar-reat twassal minnufih b’karozza privat għall-kura l-isptar minn xi qraba tiegħu u uffiċjali tas-sigurtà.

 

Ara wkoll:

Jinżamm arrestat is-Serb akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Hugo Chetcuti

Tirnexxi l-operazzjoni li għamel Hugo Chetcuti

 

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Studju internazzjonali wera li l-każi li l-kanċer tal-għonq tal-utru qegħdin jonqsu drastikament tant li hu maħsub li din il-marda tista’ tiġi eradikata. Dan huwa grazzi għat-tilqima li tingħata lit-tfajliet kontra…

Tfal

Skont l-aġenzija appoġġ, madwar mitt tifel u tifla ngħataw għall-kura għand foster carers wara talba mill-ġenituri tagħhom stess minħabba li spiċċaw f’diffikultajiet fosthom mard serju jew spiċċaw bla saqaf fuq…

Edukazzjoni

L-edukazzjoni ma tieqafx mal-età obbligatorja! Id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja beda jilqa’ applikazzjonijiet mingħand adulti li fis-sena skolastika li jmiss jistgħu jsegwu xi wieħed minn 450 kors, kemm f’oqsma akkademiċi kif…

Kronaka

Il-Pulizija jidher li tinsab viċin li ssolvi omiċidju li jmur lura ħdax-il sena. Il-każ jitratta tfajla li ilha rappurtata nieqsa mill-2008 u minn investigazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem irriżulta li…

Aktar