Lokali
Is-servizz pubbliku bi 3 ċentri għal remote working

Mil-lum is-servizz pubbliku għandu tliet postijiet f’lokalitajiet differenti minn fejn il-ħaddiema jistgħu jaħdmu minflok ma jivvjaġġaw lejn l-uffiċċju tagħhom. Fl-inawgurazzjoni tal-ewwel remote working space, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li sal-aħħar tas-sena hu ppjanat li s-servizz pubbliku jkollu 15-il post bħal dawn madwar Malta.

Dawn il-faċilitajiet f’Santa Venera ġew disinjati għal impjegati tas-servizz pubbliku li jaħdmu bir-remote working. Minbarra ħin ta’ xogħol mid-dar jew mill-uffiċċju tad-dipartiment jew entità tagħhom, ħaddiema li jistgħu jtellgħu x-xogħol tagħhom minn fejn iridu issa jistgħu jaħdmu minn faċilita’ bħal din attrezzata b’dak kollu meħtieġ. Remote workspaces, kif inhuma magħrufa dawn l-ispazji, jindirizzaw ukoll ħtiġijiet ambjentali għax l-impjegat jista’ jagħżel li jmur jaħdem fl-eqreb post għal fejn joqgħod minflok jivjaġġa għall-uffiċċju. S’issa s-servizz pubbliku għandu tliet faċilitajiet tax-xorta: f’Santa Venera, Birkirkara u Ħal Qormi.

Fl-inawgurazzjoni tal-faċilità f’Santa Venera li tiflaħ tieħu sa 35 impjegat fl-istess ħin, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar semma li l-impjegati kollha fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Enerġija qed jaħdmu bir-remote working. Dawn il-mitejn u ħamsin impjegat jirrappurtaw għax-xogħol fil-faċilità skont ħin li jagħżlu huma fi kwalunkwe ħin sebat’ijiem fil-ġimgħa.

Is-Sur Cutajar spjega li r-remote working solva problemi li l-ħaddiema kienu qed isibu meta jaħdmu mid-dar bħall-konnettività tal-internet.

“U allura dawn ir-remote workspaces li sal-aħħar ta’ din is-sena qed nippjanaw li jkollna 15 bħalhom madwar Malta kollha, allura jsolvu uħud minn dawk il-problemi. Hemm affarijiet oħra li rridu nieħdu ħsieb, it-taħriġ tat-teknoloġija l-ġdida, l-investiment fit-teknoloġija li diġà għamilna f’dan il-proġett pilota.”

Is-Sur Cutajar qal li bħalissa qed iħarsu lejn mudelli ta’ taħriġ għall-ħaddiema li jagħżlu r-remote working u lejn policies li jridu joħorġu għal dan il-qasam.