LGBTIQ
Is-Servizz Pubbliku se jingħaqad għall-ewwel darba fil-Malta Pride March 2018

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-pride march f’Malta, is-Servizz Pubbliku se jingħaqad mal-eluf ta’ parteċipanti li se jattendu għall-manifestazzjoni annwali fil-Belt.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli f’konferenza li saret ilbieraħ, u li matula nediet il-Malta Pride Week 2018 – ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet tal-kisbiet li għamel pajjiżna fil-qasam tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet umani.

Fi stqarrija, il-Ministru Dalli qalet li għalkemm mil-lat leġliżlattiv Malta hija fost l-aqwa fid-dinja, tenniet l-impenn tagħha biex issaħħaħ l-implimentatzzjoni tal-leġiżlazzjoni Maltija fil-prattika.

Huwa proprju għalhekk li fil-jiem li ġejjin għandu jkun mniedi Pjan t’Azzjoni Nazzjonali għall-persuni LGBTIQ+, pjan li se jixpruna l-progress legali fl-isferi kollha tas-soċjetà waqt li jara li kulħadd ikun jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu, irrispettivament minn kif twieled.

L-attivitajiet tal-Malta Pride Week 2018 jibdew nhar is-Sibt 9 ta’ Settembru permezz tal-LGBTIQ+ Gozo Pride u jilħqu l-qofol tagħhom ġimgħa wara waqt il-pride march fil-Belt Valletta.

Għal aktar dettalji dwar Malta Pride 2018 tista’ tirreferi għas-sit elettroniku www.maltapride.org.