Trasport
Is-servizz tal-ferries b’waqfiet minn Marsaxlokk sa Għawdex

L-isforzi biex it-trasport pubbliku jintuża minn aktar nies mhumiex limitati biss biex iħeġġu aktar faxex tal-popolazzjoni jużaw mezzi ta’ trasport tal-massa fuq l-art, bħall-karozzi tal-linja, imma anke fuq il-baħar. Għal dan l-għan, Transport Malta għadha kemm ħarġet sejħa għall-proposti biex tagħti lill-privat kuntratt biex jipprovdi servizz bi skeda ta’ ġarr ta’ passiġġieri fuq il-baħar b’mill-anqas sitt waqfiet, mifruxa minn Marsaxlokk sa Għawdex.

Waqt li fuq l-art għaddejjin bosta proġetti maħsuba biex itejbu l-infrastruttura tat-toroq, il-gvern qed jinċentiva l-użu ta’ mezzi alternattivi fosthom is-servizz tat-trasport pubbliku, mhux biss bil-karozzi tal-linja iżda wkoll bil-ferries.

Transport Malta ħarġet sejħa għall-proposti għal kuntratt li jagħti konċessjoni ta’ servizz pubbliku għal servizz bi skeda biex iġorr passiġġieri bil-baħar minn post għal ieħor. Is-sejħa tħalli f’idejn min jersaq ‘il quddiem bil-proposti biex jipproponi r-rotot iżda tgħid li minn tal-anqas irid ikun hemm waqfiet biex jinżlu u jitilgħu l-passiġġieri f’Marsaxlokk, il-Belt, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u Għawdex. Jingħad li s-servizz irid jingħata minn faċilitajiet ta’ irmiġġ li jiġu provduti mill-awtorita’ u jintużaw biss minn dawk li jingħataw din il-konċessjoni li tkun għal perjodu ta’ 15-il sena. L-Awtorità tintrabat li f’dan il-perjodu ma tħallix operaturi oħra joffru servizz simili fuq l-istess rotot.

Transport Malta qalet li min jirbaħ il-konċessjoni jrid iħallas rata annwali u sehem mid-dħul kollu ġġenerat bl-għoti tas-servizz ta’ trasport bil-baħar. Dawk li jwieġbu għas-sejħa jridu jagħtu prova li għandhom mill-anqas ħames snin esperjenza f’xogħol ta’ servizz bi skeda ta’ ġarr ta’ passiġġieri fuq il-baħar. Id-dokument tas-sejħa għall-proposti jitratta wkoll x’tip ta’ laneċ iridu jintużaw. Apparti t-tul, jingħad li kull lanċa trid tiflaħ iġġorr mill-anqas 200 passiġġier.

Min jingħata l-konċessjoni se jkun obbligat li fi żmien sitt xhur jintroduċi sistema moderna ta’ biljetti li tkun tista’ tintuża ma’ servizzi oħra ta’ trasport pubbliku. Is-sejħa għall-proposti tagħlaq fis-7 ta’ Settembru.