Unjoni Ewropea
Is-servizzi diġitali x’impatt qed iħallu fuq il-konsumatur?

F’konferenza stampa virtwali mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-membru tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar iddiskuttew l-Att futur dwar is-Servizzi Diġitali.

Is-Sur Agius Saliba qed imexxi l-ħidma fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-ħarsien tal-Konsumatur bħala r-Rapporteur qal li fir-rapport qegħdin imexxu ‘ l quddiem il-prinċipju ġenerali, li dak li huwa kkunsidrat illegali barra mid-dinja kummerċjali tal-internet ikun meqjus illegali wkoll għall-kummerċ li jsir fuq l-internet.

Żied jgħid li l-konsumaturi li jixtru online għandhom ikollhom l-istess protezzjoni bħal klijenti li jixtru mill-ħwienet, biex ikun hemm level playing field fis-suq.

Il-membru parlamentari Josianne Cutajar qalet li l-intelliġenza artifiċjali u l-impatt tagħha għandhom ikunu regolati biex jiġi stabbilit min ikun responsabbli f’każ li jiġri inċident permezz tal-intelliġenza artifiċjali.

Żiedet tgħid li qiegħda tipproponi li jitwaqqaf fond biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li ssir permezz ta’ prodotti li jaħdmu bl-intelliġenza artifiċjali.