Is-sett uniku ta’ appostli f’Malta li nħataf darbtejn mill-Franċiżi

Jintramaw fil-Katidral tal-Imdina darbtejn fis-sena: mill-Milied sal-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl u fl-Imnarja – sett ta’ 15-il statwa magħruf bħala l-“Appostolat” li fil-fehma tal-esperti tal-arti hu sett uniku għal Malta u wieħed mill-aktar settijiet ta’ appostli sbieħ u ta’ valur fid-dinja. L-istorja ta’ dan is-sett ta’ statwi hi waħda turbulenti, inħataf mill-Franċiżi darbtejn u l-Knisja f’Malta ħallset għalih aktar minn 50,000 skud biex fdietu u salvatu mill-qerda.

Il-Katidral tal-Imdina bħalissa jinsab mżejjen bl-isbaħ armar għall-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl. Il-quddiesa pontifikali ta’ din is-solennità ġiet iċċelebrata l-Ħadd filgħodu minn Isqfijiet Maltin li kienu jew għadhom fis-servizz tal-Knisja barra l-pajjiż. Fost l-armar rikk, jispikka fuq l-altar maġġur sett ta’ 15-il statwa tal-fidda li hu uniku għall-knejjes f’Malta. Magħruf bħala l-“Appostolat”, minbarra t-12-il appostlu, dan is-sett jinkludi lill-Madonna, li tintrama fin-nofs tal-altar, u ħdejha l-istatwi ta’ San Pawl bħala l-Patrun ta’ Malta u li għalih hu t-titular tal-Katidral u San Ġwann il-Battista, il-patrun tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

L-Appostolat ġie kummissjonat mill-Kavallieri lill-artist Taljan Antonio Arrighi u ngħataw qrib nofs is-seklu 18 b’donazzjoni biex jintramaw fuq l-artal tal-Knisja Konventwali tal-Ordni. Hawnhekk ma kellhomx xorti u l-preżenza tagħhom fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann kienet imqalba. Fl-1798, fuq ordni ta’ Napuljun inħatfu bħalma kien id-destin tal-fidda, id-deheb u l-ħaġar prezzjuż tal-Kon-Katidral. L-iskop kien li jiddewbu u mill-flus li jġibu, l-Franċiżi jħallsu s-suldati. Il-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina ntervjena biex isalva ‘l dan is-sett ta’ statwi u sar ftehim ta’ tpartit.

“Il-Franċiżi bagħtu żewġ Gvernaturi b’għassa armata, gwardja, u ħadu sitt sniedaq kbar mill-Katidral ta’ fidda, deheb u ġojjelli biex isir it-tpartit b’valur ta’ 40,000 skud li hu aktar mill-valur dak iż-żmien ta’ kemm jiswew l-istatwi,” qal il-kuratur tal-mużew tal-Katidral tal-Imdina, Rev. Dr Edgar Vella.

Salvati mill-qerda, l-istatwi treġġgħu lura l-Kon-Katidral. Sena wara, il-Franċiżi reġgħu ħatfuhom u kellu jsir pagament ieħor ta’ 11,500 skud biex infdew għat-tieni darba. Il-lezzjoni ttieħdet!

“Kollox sar bl-approvazzjoni tal-Isqof ta’ dak iż-żmien, l-Isqof Labini, li mat-tieni darba ta’ ordni immedjata biex dawn jiġu trasferiti minn San Ġwann fil-Belt u jitilgħu lejn l-Imdina. Illum il-ġurnata dawn jiffurmaw parti mill-patrimonju nazzjonali ta’ wieħed mill-iżjed settijiet importanti, anzi l-iżjed wieħed fi gżiritna, u l-kwalità u l-kwantità tagħhom tpoġġihom fl-ogħla post f’dak li hawn fi knejjes Ewropej,” kompla Rev. Dr Edgar Vella.

Il-Kuratur tal-Mużew tal-Katidral spjega li l-istatwi huma magħmula fuq prinċipji barokki, ispirati mill-Appostolat tal-Bażilika ta’ San Giovanni Laterano f’Ruma bl-artist, meta ġie għall-qies, ħa nota tal-fatt li f’Malta jintramaw bejn il-gandlieri.

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

Il-Kap tal-Moviment Patrijotti Maltin Henry Battistino qal li wara li ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se jirriżenja. Fuq Facebook huwa kiteb li l-Partit li jħobb kellu disfatta u għalhekk se…

Lokali

Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Propjetà Intellettwali nterċettaw container fil-Freeport li kien qed iġorr 26,688 qalziet tal-jeans ta’ ditta rinomata li però rriżultaw li kienu kontrafatti (foloz). Fi stqarrija maħruġa mid-Dwana ntqal…

Mużika

Il-grupp mużikali Meadow Strings ħareġ kanzunetta ġdida Alive. Meadow Strings huwa kompost minn Magdalene Farrugia u Mario Camileri. Fil-kanzunetta tagħhom, Alive huma japprezzaw is-sbuħija u l-importanza tal-ambjent. Miġbud qal is-siġar tal-Buskett…

Kronaka

Raġel ta’ 60 sena ndarab gravi wara li laqtitu l-karozza malli niżel minnha. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-7.45am fi Triq ix-Xatt, il-Kalkara. Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ…

Aktar