Lokali
Is-settur tas-servizzi finanzjarji jikber b’5.5% – jirreġistra żieda ta’ 941 impjieg ġdid fl-2020

Minkejja l-impatt qawwi li ħalliet il-pandemija f’pajjiżna, matul is-sena li għaddiet is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta rreġistra tkabbir ta’ 5.5 fil-mija u qabeż l-elf miljun ewro.

Dan joħroġ mir-Rapport Annwali tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA li juri wkoll li fl-2020, il-qasam tas-servizzi finanzjarji rreġistrat żieda ta’ 7.6 fil-mija fil-ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol.

Rapport ippubblikat mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA juri li matul is-sena li għaddiet, is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta kompla jikber tant li ra żieda ta’ ħamsa punt ħamsa fil-mija biex issa qabeż il-biljun ewro. Fl-istess waqt jirriżulta li sa Ottubru tas-sena li għaddiet, is-settur finanzjarju ra żieda ta’ 941 impjieg ġdid biex illum hemm aktar minn tnax-il elf u mitejn ruħ li jaqligħu l-għajxien tagħhom mis-settur.

Fir-rapport jingħad li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, l-awtortià baqgħet fi triqitha biex tikseb il-miri li fasslet fil-pjan strateġiku tagħha. Fost oħrajn, l-awtorità wettqet 419-il spezzjoni jiġifieri żieda ta’ erba’ u tmenin fil-mija (84%) fuq l-2019. Matul l-istess sena, l-MFSA wettqet ukoll wieħed u tmenin spezzjoni (81) f’isem l-Aġenzija Maltija Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.

Fl-istess waqt ipproċessat 265 applikazzjoni li kwart minnhom ġew irtirati jew irrifjutati.

Mir-rapport joħroġ ukoll li matul is-sena li għaddiet, l-MFSA investiet b’mod qawwi fir-riżorsi umani bl-uffiċjali tagħha ħadu tnejn u ħamsin azzjoni ta’ infurzar fil-konfront ta’ kumpaniji liċenzjati li bejniethom ġew immultati kważi miljun ewro. Ammont li kważi jlaħħaq dak li l-awtorità mmultat f’perjodu ta’ tliet snin bejn l-2017 u l-2019.

Iċ-Chairman tal-MFSA, il-Prof. John Mamo qal li minkejja ċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija, innota li s-settur finanzjarju ta’ Malta baqa’ jikber u joħloq aktar opportunitajiet ta’ impjiegi. Qal li l-awtorità tinsab determinata li tixpruna s-settur għal livelli ogħla u sostenibbli permezz tal-intergrazzjoni ta’ oqsma ġodda ta’ superviżjoni u tkabbir potenzjali.

Il-Kap Eżekuttiv Dr Christoper P. Buttigieg qal li matul is-sena li għaddiet l-awtorità wettqet l-impenji tagħha fil-pjan ambizzjuż u strateġiku tagħha. Qal li l-MFSA se tibqa’ ffokata li ġġib l-istabbilità fis-settur, tipprovdi l-kontinwità u t-tkabbir sostenibbli tas-settur.