Turiżmu
‘Is-settur tat-turiżmu jaf irid jistenna sal-2023 biex jara l-livelli tat-turisti tal-aħħar snin’

L-2020 mistennija tkun l-agħar sena għat-turiżmu madwar id-dinja fosthom Malta li tant tiddependu minnu. It-tnaqqis globali mistenni jkun qrib it-80%. Claire Zammit Xuereb li l-grupp li tmexxi għandu seba’ lukandi qalet li dawk involuti fis-settur jafu jridu jistennew sal-2023 biex jaraw il-livelli tat-turisti tal-aħħar snin.

Kmamar lussużi, żoni komuni mdawla u mżejna sal-inqas dettal, u ristorant armat li għadu kif ħa t-titlu prestiġjuż Michelin. Fil-lukanda Rosselli fil-Belt innutajna kollox f’postu għajr ħaġa waħda, il-ħaddiema u l-klijenti jew aħjar it-turisti.

“Għafsa ta’ qalb tara l-kmamar vojta, mixgħulin sbieħ lesti għan-nies, imma nies mhux qegħdin hawn”. Din hi l-ewwel lukanda ta’ ħames stilel fil-Kapitali. Infetħet uffiċjalment f’Settembru li għadda b’investiment ta’ 15-il miljun ewro. Madankollu sitt xhur wara, spiccat bhal turisti bhal lukandi kollha minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Għad-Direttur tal-Grupp AX, Claire Zammit Xuereb din kienet l-ewwel darba li reġgħet daħlet fiha minn nofs Marzu u r-reazzjoni tagħha kienet xhieda ta’ dan. “Lanqas qatt f’għomri ma dħalna f’lukanda vojta għalina xi ħaġa wisq emozzjonali”.

Il-Grupp AX għandu seba’ lukandi u 16-il ristorant. B’kollox jimpjega mat-800 ħaddiem.”Ma keċċejna lil ħadd, ovvjament dawk li kienu bil-kuntratt u part-time kellhom jitilqu biex inti ssalva n-nies tiegħek “.

Is-Sinjura Zammit Xuereb qalet li fl-aħħar xahrejn il-grupp ħa miżuri biex isaħħaħ it-teknoloġija u biex l-aktar affarijiet li jintużaw fil-kmamar u l-lukanda jiġi sanitizzati l-ħin kollu.

“Ir-remote controls, is-switches ta’ mal-ħajt, dawn huma affarijiet li ma nistgħux inneħħu mill-kamra, u jridu jingħataw ħafna attenzjoni”.

Skont studju tal-Bank Dinji ppublikat mis-CNN, Malta l-aktar li tiddependi mill-infiq tat-turisti fl-Unjoni Ewropea.

Għalkemm l-esperti qed ibassru li t-turiżmu l-aħħar li se jirkupra mill-impatt tal-pandemija, Claire Zammit Xuereb temmen li Malta għandha vantaġġ li trid tisfrutta.

“Jien naħseb li l-ivvjaġġar xorta se jkun hemm imma se jonqos drastikament għax wieħed se jaħseb darbtejn tlieta u se jiċċekkja dak il-pajjiż x’miżuri qed jieħu, ħa jara l-istatistika ta’ liema pajjiżi qed jiġu rakkomandati bħala l-iżjed safe u Malta qegħdin tajjeb ħafna tant li lbieraħ stess ċċirkolaw statistika li ġejna l-ewwel fost il-pajjiżi Ewropej għall-kontroll ta’ dan il-virus dan vantaġġ għalina”.

L-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu f’ittra lil Prim Ministru faħħret lil Malta għax-xogħol li qed isir fis-settur turistiku waqt l-imxija u biex dan ikun salvagwardjat u aktar sostenibbli.

Claire Zammit Xuereb qalet li t-triq ‘il quddiem mhix se tkun faċli imma Malta għandha ċans tad-deheb biex issir aktar kompetittiva.

“Għandna tliet snin żgur sakemm nirkupraw il-livell li konna fihom imma naħseb li din hi opportunità għal Malta biex nieqfu, naħsbu u naħdmu mill-qrib ħafna l-iktar viċin li qatt ħdimna biex nagħmlu dik il-qabża meta tiġi għal Product Malta biex nibdew nattiraw ċertu kwalità meta mqabbel mas-snin ta’ qabel”.

U sakemm l-ajruporti jerġgħu jimtlew bl-attività u l-lukandi f’Malta jerġħu jiftħu, it-tama ta’ kull min hu involut fis-settur hi li s-sitwazzjoni ma tkomplix ittul.

Aħbarijiet Oħra

Sirjan ta’ 53 sena li jgħix Buġibba, baqa’ miżmum arrestat wara li l-Qorti se tagħti digriet dwar il-ħelsien mill-arrest tiegħu nhar it-Tnejn li ġej. Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, kompla…

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li anzjana ta’ 78 sena mietet waqt li kienet pożittiva bil-Covid-19. L-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 l-ewwel darba fil-11 ta’ Awwissu u ġiet ikkonfermata li negattiva għall-Covid-19…

L-MUT laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern=li l-istudenti jidħlu lura l-iskola bejn is-7 u l-14 t’Ottubru, minflok fit-30 ta’ Settembru. Fi stqarrija l-MUT qalet li kienet talbet għal dan il-posponiment biex l-iskejjel ikollhom…

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħabbar li, filwaqt li l-edukaturi se jidħlu lura għax-xogħol fit-28 ta’ Settembru kif skedat, l-istudenti se jibdew jidħlu lura mis-7 t’Ottubru. L-istudenti tal-istat tal-età obbligatorja se…

Aktar