Lokali
“Is-settur turistiku jinsab f’salib it-toroq” – l-MEP Josianne Cutajar

Il-MPE Josianne Cutajar qalet li s-settur turistiku bħalissa jinsab f’salib it-toroq. Qalet li nistgħu jew immorru lura għas-sistema ta’ qabel li kienet tpoġġi piż qawwi fuq il-komunitajiet u l-ekosistemi tagħna, jew inkella nagħżlu mudell turistiku differenti li jġib lura l-bilanċ bejn il-viżitaturi, il-komunità u n-natura.

Cutajar insistiet li meta jitmexxa b’mod xieraq, it-turiżmu joħloq opportunitajiet fejn qabel ma kienx hemm, jindokra r-riżorsi naturali u jtejjeb il-livell tal-għixien.

Dr Cutajar qalet li hemm bżonn sforz kollettiv sabiex titfassal direzzjoni aktar sostenibbli u innovattiva għas-settur turistiku u qed taħdem biex l-industrija tat-turiżmu torjenta mill-ġdid il-mudelli ta’ negozju tagħha u tersaq lejn mudelli li jpoġġu l-komunitajiet lokali u l-ekosistemi tagħhom fiċ-ċentru tal-ġestjoni u l-iżvilupp tat-turiżmu. Dr Cutajar qed tinsisti wkoll fuq l-urġenza li ngħaddu mill-kliem għall-fatti sabiex inġibu s-sostenibilità fit-turiżmu.