Sigurtà
Is-sistema penali qed taħseb biżżejjed għad-delinkwenti taħt l-età?

Waqt li l-każi ta’ delikwenza minn persuni minuri qed jiżdiedu, jidher li l-faċilitajiet korrettivi u s-sistema penali u ġuridika għadhom mhux jaħsbu biżżejjed għal dawn is-sitwazzjonijiet.

TVM tkellem dwar dan mal-Kummissarju tat-Tfal, Pauline Miceli.

Ċifri li għandu f’idejh TVM juru li minn Jannar sal-lum, seba’ persuni taħt it-18-il sena, ħames ġuvintur u żewġ tfajliet, spiċċaw il-ħabs. L-età tagħhom kienet tvarja bejn l-14 u s-17-il sena.

Il-Kummissarju tat-Tfal, Pauline Miceli, stqarret li anke l-Qorti ssibha bi tqila biex tagħti sentenzi ta’ ħabs f’età daqshekk żgħira.

“Jingħataw ċansijiet għal wieħed tnejn. Imma mbagħad ġieli kont preżenti l-Qorti ġuvenili meta jkollok każijiet ta’ adoloxxenti li repetutament jerġgħu jittellgħu l-Qorti, jiksru l-kundizzjonijiet li ngħataw u ma jippruvawx jaħdmu naqra biex titjieb is-sitwazzjoni.”

Qalet li f’dawn il-każi l-qorti ma tistax tagħmel mod sakemm ma jkunx hawn istituzzjoni terapwetika apposta flok ħabs. Il-liġi l-ġdida tal-protezzjoni tal-minuri li daħlet fis-seħħ fil-jiem li għaddew taħseb għat-twaqqif ta’ ċentru terapewtiku għal tfal b’imġiba diffiċli.

L-adoloxxenti jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-faċilità Yours fl-Imtaħleb maħsuba għal priġunieri żgħażagħ sa 21 sena.

“L-agħar jekk ikunu 14-il sena għax dik l-età huma ħafna aktar impressjonabbli, ma naħsibx li għandhom jitħallew fl-istess kmamar. Suppost jinżammu fi kmamar differenti u anki jingħataw attenzjoni aktar. Nixtiequ naraw dan iseħħ fir-realtà. Għadna ftit lura f’dawk li huma servizzi ta’ ċerta kwalità u standards għoljin.”

Is-Sinjura Miceli qalet li l-aktar reati li jikkommettu l-minuri huma ta’ serq, drogi, cyberbullying fuq tfal oħra jew tixrid ta’ ritratti kunfidenzjali waqt li qed jiżdiedu wkoll każijiet ta’ imġiba vjolenti.

“Jekk inti ikkomettejt reat fuq membri tal-familja stess, fuq min qiegħed jieħu ħsiebek, mela postok ma jistax ikun hemm sakemm jgħaddi perjodu taż-żmien, u tingħata t-terapija lill-familja sħiħa.”

Hi stqarret li l-minorenni, f’għajnejn il-liġi, iridu jkunu trattati b’mod differenti anke fil-proċess korrettiv.

”Istituzzjonijiet internazzjonali, ma jirrakomandawx li ż-żgħażagħ għandhom, li l-minuri jintbagħtu detenzjoni għal żmien twil filfatt is-sentenza dejjem tonqos minħabba l-età tagħhom u aħna nemnu li perjodu qasir huwa importanti kemm jista’ jkun u waqt li qegħdin f’din l-istituzzjoni, fil-ħabs tat-tfal, jingħataw is-servizzi terapewtiċi, servizzi edukattivi.”

Is-Sinjura Miceli temmen li l-każijiet li jinvolvu persuni taħt it-18-il sena, għandhom jinstemgħu b’mod aktar diskret mill-Qorti Ġuvenili u mhux mill-Qorti tal-Belt.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn għada se tibda tiswijiet fis-sistema ta’ katusi f’qiegħ il-baħar li jintuża għar-rimi ta’ drenaġġ trattat mill-impjant ta’ Għawdex. Il-ħidma delikata li għandha tieħu madwar tliet ġimgħat…

Kronaka

Raġel ta’ 33 sena weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur f’Birkirkara. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq il-Wied għall-ħabta tal-4.45pm. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li s-sewwieq, li jgħix il-Pietà, kien qed isuq…

Saħħa

F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-demenzja, bl-istudji juru li l-għadd mistenni jiżdied għal mill-inqas 13,000 sal-2050. L-esperti jemmnu li din hija biss ix-xifer tal-istampa, minħabba li għadd ta’…

Stejjer Umani

Għalkemm il-Maltin ikunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa biex jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum tax-xogħol, mhux l-istess jista’ jingħad għal Alfred Attard li ilu aktar minn 40 sena jiġbor il-melħ…

Aktar