Ekonomija u Finanzi
“Is-sistema tat-taxxa f’Malta tibqa’ kompetenza nazzjonali” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-sistema tat-taxxa f’Malta tibqa’ kompetenza nazzjonali. F’kummenti lil TVM b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea għamlet lil Malta u pajjiżi oħra fuq is-sistema tat-taxxa, Dr Muscat insista li ma jaqbilx mal-analiżi li saret, li s-sistema Maltija tiffaċilita l-ippjanar aggressiv biex kumpaniji u individwi jiffrankaw it-taxxa.

L-għada li l-Kummissjoni Ewropea għall-ewwel darba, irrakomandat lill-Gvern Malti biex jagħmel riformi fit-taxxa biex ma jħallix kumpaniji jagħmlu dak li sejħet ippjanar aggressiv fit-taxxa biex jiffrankaw it-taxxa, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li TVM li s-sistema tat-taxxa tibqa’ kompetanza tal-pajjiż stess. Mitlub jikkummenta fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, Dr Muscat qal li Malta, bħall-pajjiżi l-oħra li ngħataw l-istess rakkomandazzjoni, ma taqbilx ma’ din l-analiżi.

Il-Prim Ministru qal “kien hemm numru ta’ pajjiżi oħra, jekk miniex sejjer żball 6 jekk mhux 7 li kellhom l-istess rakkommandazzjoni u r-reazzjoni tal-pajjiżi kollha, jekk l-Olanda, jekk hux l-Irlanda, jekk hux il-Lussemburgu, kienet l-istess li dik hija kompetenza nazzjonali, ma naqblux ma’ dik it-tip ta’ analiżi min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u nkomplu nikkonvinċu f’dar-rigward. Xorta tibqa’ kompetenza ta’ Malta illi tiddeċiedi fir-rigward ta’ taxxa. Inħares ukoll u nilqa’ l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet dwar Malta sena wara sena qegħdin dejjem jonqsu, li jfisser li r-rakkomandazzjonijiet li saru fis-snin ta’ qabel kienu ġew milqugħa u ġew acted upon.”

Il-Prim Ministru ta din ir-reazzjoni wara li tkellem fil-konferenza annwali ta’ Finance Malta li tgħaqqad flimkien lill-Gvern u lill-privat fil-ħidma biex tippromovi s-servizzi finanzjarji f’Malta. Bit-tema Malta – A Platform for Innovation’, Dr Muscat saħaq li l-innovazzjoni u t-teknoloġija huma l-bażi tal-industrija tas-servizzi finanzjarji. Sostna li fl-għaxar snin li ġejjin l-industrija se tkun differenti minn kif kienet fl-aħħar għaxar snin, ghax il-bżonnijiet tal-klijenti u dawk li jipprovdu s-servizzi se jinbidlu.

Il-Prim Ministru qal li hu għalhekk li t-teknoloġiji ġodda se jagħmlu d-differenza kollha. Dr Muscat qal li l-passi ‘l quddiem li saru fl-aħħar sena fil-blockchain juru li l-pajjiż irid ikompli jiżviluppa talent lokali biex jikkompeti internazzjonalment. Qal li l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji, MFSA, qed taħdem bis-sħiħ biex toħloq l-aqwa ambjent f’dawn l-oqsma. Dr Muscat qal li l-industrija privata u s-sistema bankarja trid tkompli tiżviluppa biex tilqa’ wkoll għall-avvanzi fit-teknoloġija u l-innovazzjoni.