Storja
Is-sit ta’ Borġ in-Nadur se jkun miftuħ għall-pubbliku

Heritage Malta, fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, se tiftaħ it-Tempju ta’ Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa kuljum għall-pubbliku.

Dan is-sit preistoriku, li kien jintuża kemm fi żmien it-tempji kif ukoll fi żmien il-bronż, jinsab f’post uniku bejn żewġ widien u faċċata tal-baħar. Skavat fis-snin 20 mill-arkeologa Margaret Murray, is-sit ta informazzjoni li tejbet l-għarfien ta’ aspetti mill-preistorja Maltija li sa dak iż-żmien kienu għadhom problematiċi, pereżempju d-differenzi bejn Żmien it-Tempji u Żmien il-Bronż. Il-fdalijiet u l-oġġetti li nstabu waqt l-iskavar għadhom qed ikunu analizzati sal-lum minn riċerkaturi li qed jużaw teknoloġiji li ma kinux disponibbli għall-arkeologi fil-passat.

It-tempju b’erba’ apsidi li jinsab fis-sit għandu quddiemu wesgħa kbira magħluqa li hija unika għal binjiet bħal dawn. Iż-żona tal-madwar ukoll hija rikka fil-wirt kulturali, bis-siti ta’ Għar Dalam u ħajt difensiv ta’ żmien il-bronż ftit minuti ’l bogħod bil-pass.

Is-sit se jkun miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ħadd matul is-sena kollha, ħlief fil-Ġimgħa l-Kbira, lejliet il-Milied, jum il-Milied, lejliet l-Ewwel tas-Sena, u jum l-Ewwel tas-Sena.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta. L-eqreb wieħed huwa Għar Dalam. Il-biljetti għal Borġ in-Nadur jiswew €3 għall-adulti, €2.50 għall-anzjani/studenti, u €2 għat-tfal. Biljett ieħor disponibbli għal dan is-sit huwa dak għal Borġ in-Nadur kif ukoll għal Għar Dalam, li jiswa €6.50 għall-adulti, €5 għall-anzjani/studenti, u €4 għat-tfal.

Borġ in-Nadur huwa l-24 sit ta’ Heritage Malta li se jkun ukoll aċċessibbli għal kull min jixtri l-multisite pass u għall-membri ta’ Heritage Malta. Se jkun hemm ukoll open day fis-siti ta’ Għar Dalam u t-Tempju ta’ Borġ in-Nadur fit-22 ta’ Lulju, fejn il-pubbliku jista’ jidħol bla ħlas.

Fi stqarrija l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-Gvern hu impenjat li jippreserva u jieħu ħsieb il-passat ta’ Malta. Qal li s-siti ta’ Heritage Malta huma xhieda tal-importanza li għandha l-istorja Maltija.