Lokali
Is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni tista’ tissolva jekk kulħadd isegwi r-regoli – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni tista’ tiġi riżolta billi kulħadd isegwi r-regoli internazzjonali. Dan hekk kif aktar minn 600 immigrant fuq tlett vapuri li ħolqu kontroversja bejn Malta u l-Italja jinsabu fi triqthom lejn Valencia fi Spanja, hekk kif issuktat kritika għall-mod kif l-Italja aġixiet f’dan il-każ.

Waqt li s-629 immigrant sa fl-aħħar bdew il-vjaġġ lejn Spanja f’konvoj ta’ tliet bastimenti fosthom l-Aquarius, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab konvint li minkejja l-kwistjoni tal-aħħar jiem dwar min se jieħu dawn l-immigranti, ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja se jibqgħu tajbin u se jsib mezz kif jaħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet għall-ġejjieni. Huwa qal meta d-deputati tac-Cinque Stella ħarġu ‘l barra mill-Parlament reġjonali ta’ Sqallija waqt id-diskors tal-President Coleiro Preca ma jirriflettiex ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ popli.

Il-Prim Ministru qal li “dak li ġara f’Palermo, nirringrazzja lill-President tal-parlament li ddissasoċja ruħu u dak li ġara ma jirriflettix l-ħbiberija mal-poplu Sqalli u Taljan”.

F’kummenti lill-ġurnalisti, Dr Muscat madankollu qal li ma tantx jara li hemm possibiltà li jkun hemm qbil bejn il-Mexxejja Ewropej biex jinbidlu r-regolamenti ta’ Dublin kif ippropona l-Parlament Ewropew. Il-Prim Ministru wera wkoll ċertu riservi dwar il-ħidma tal-NGOS li bil-laneċ tagħhom jinsabu fil-Mediterran.

Dr Joseph Muscat qal li “ma jistax ikollok NGOS li kważi jirriklimaw ix-xogħol tagħhom li mhumiex f’ebda missjoni u kull min għandu bżonn jista’ jgħidilna, din mhix il-missjoni tal-NGOS’ għax ikunu qed jiffavorixxu l-ittraffikar ta’ persuni u allura trid tiġi rregolata”.

Il-Prim Ministru qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni żgur ser tkun diskussa fis-summti tal-mexxejja Ewropej aktar tard dax-xahar u diġà ddiskuta dan mal-President Franċiż Emanuel Macron.

Dr Joseph Muscat qal li “ilbieraħ il-konverzazzjoni ma’ Macron, urejna li qegħdin fuq l-istess wavelength”.

Dr Muscat tenna li Malta dejjem refgħet il-piż tal-immigrazzjoni u żammet kelmtha fuq ir-rilokazzjoni tal-immigranti mill-Greċja u l-Italja. Qal li dawk li jħarsu il-kosta tal-Libja jridu jitħallew jaħdmu.

Sadanittant, wara li l-Gvern Franċiż akkuża lill-awtoritajiet Taljani li fil-każ tal-vapur Aquirus kisru l-liġi internazzjonali, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Enzo Moavero Milanesi sejjaħ laqgħa mal-Ambaxxatur ta’ Franza fl-Italja.

Fi żvillupp ieħor, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, Filippo Grandi kellu kliem iebes għall-aġir tal-Italja.

“It is shameful. As a European I felt shame, shame, that there was a boat, there is a boat, in the Mediterranean and for several days nobody wanted to take these people. This brings back memories of other people seeking refuge and being refused and being turned back and we know how it ended” qal Grandi.

Intant dalgħodu vapur tal-gwardja Costiera daħal Catania b’937 immigrant li ġew salvati f’operazzjonijiet differenti ‘l barra mill-kosta Libjana.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Partit Demokratiku ħabbar li n-nomina ta’ Martin Cauchi Inglott għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali ġiet aċċettata. Martin Cauchi Inglott serva bħala fizzjal veteran fl-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta għal 27…

Kronaka

Ġuvni ta’ 19-il sena weġġa’ gravi f’inċident li seħħ għall-ħabta tas-2.30 ta’ waranofsinhar fiż-żona industrijali ta’ Ħ’Attard. Il-Pulizija qalet li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-ġuvni, li huwa mill-Gambja, weġġa’ meta…

Infrastruttura

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għalqet il-proċess għall-għoti ta’ kuntratt b’valur ta’ €11-il miljun għall-iżvilupp tal-ewwel impjant tar-reverse osmosis f’Għawdex. Il-kuntratt intrebaħ mill-kumpanija Clean Water Technologies, ibbażata f’Iżrael, li wettqet proġetti relatati…

Air Malta

L-Air Malta ħabbret li qed tipprovdi titjiriet apposta lill-passiġġiera li tħallew l-art wara li l-linja tal-ajru Ċiprijotta, Cobalt Air, ikkanċellat it-titjiriet kollha. It-titjiriet qed jiġu offruti bi prezz ta’ €50,…

Aktar