“Is-Sitwazzjoni tal-iskart f’pajjiżna hija waħda kritika, għalhekk kien hemm bżonn ta’ pjan drastiku”

Il-maġġoranza ta’ dak kollu li jintrema f’pajjiżna irid jgħaddi għand WasteServ għalhekk ‘Popolin’ stieden il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-korporazzjoni; Richard Bilocca biex miegħu jiddiskuti aħjar is-suġġett tal-iskart u r-riċiklaġġ f’pajjiżna.

“L-Isfida hija kbira, biss is-sehem tal-individwi u entitajiet bħal dawk li rajna fil-Malta Waste Reduction Awards huma passi kbar fid-direzzjoni t-tajba, b’responsabbiltà ngħid li rridu nirduppjaw il-performance tagħna kemm in-nies tad-dar kif ukoll is-settur kummerċjali” tenna Bilocca. Huwa enfasizza l-importanza li bħala pajjiż, b’mod kollettiv nifhmu l-importanza li nisseparaw l-iskart filwaqt li nnaqqsu l-iskart fejn hu possibbli. “Wieħed għandu jinkwieta meta ma jkollux pjanijiet u soluzzjonijiet maħsuba u mfasslin, fil-każ tagħna mhuwiex hekk. Il-WasteServ qeda timplimenta l-akbar investiment infrastrutturali fis-settur fl-istorja tal-pajjiż, investiment ta’ nofs biljun ewro. Il-fiduċja tan-nies fis-sistema qeda tiżdied u għalhekk ir-riżultati qegħdin narawhom” qal b’sodisfazzjon Bilocca. Bħala pajjiż Malta u Għawdex qegħdin iżidu il-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-iskart, bis-saħħa ta’ dan l-istess skart qed jinbidel f’riżorsa.

Bilocca spjega li il-Magħtab hija maqsuma fi tliet miżbliet; il-miżbla l-antika u żewġ engineered landfills. Sfortunatament pajjiżna, għal snin twal baqa’ jistrieħ fuq il-miżbliet, biss bil-pjan infrastrutturali li tħabbar ser ikun qiegħed jibdel kull tip ta’ skart f’xi tip ta’ riżorsa, 10% tal-iskart biss ser ikun qiegħed jiġi mpoġġi fil-landfill, dak l-iskart hekk imsejjaħ skart stabbli li huwa skart li ma jiġġenerax  ebda impatt ambjentali. Bilocca ħabbar li fiż-Żurrieq għadhom kif ġew mħawwla l-ewwel erba’ siġriet fil-miżbla li kienet magħrufa bħala Wied Fulija, dan il-proġett se jitlesta fiż-żmien erba’ xhur u fih se jkunu qegħdin jiġu mħawwla mat-tletin elf arbuxell.

Mistoqsi mill-preżentatur jekk l-istess tip ta’ proġett jistax isir fil-miżbla tal-Magħtab, Bilocca tenna li il-Magħtab l-antik diġà ġie riabilitat, biss ammetta li l-problema għadha waħda konsiderevoli fil-fatt fil-miżbla għadhom jidħlu mat-tliet mija u għoxrin elf tunnellata ta’ skart fis-sena. “Is-sitwazzjoni hija waħda kritika u għalhekk kien hemm bżonn ta’ pjan drastiku. Il-Gvern għaraf dan il-bżonn u fil-fatt poġġha fuq il-mejda nofs biljun ewro. Il-problema kienet ilha ġejja għexieren ta’ snin”. Bilocca qal li l-investiment li se jsir qiegħed ikun ibbażat fuq enerġija ċirkulari fil-fatt ser jinkludi impjant li jibdel l-iskart organiku mhux biss f’enerġija iżda wkoll f’kompost li jista’ jingħata lura lil bdiewa. L-istess proġett se jinkludi wkoll impjant għar-riċiklaġġ bl-aħjar teknoloġija fis-suq internazzjonali, u impjant ieħor magħruf bħala l-waste to energy plant.

“Se jkollna strateġija b’saħħitha li tħares lejn il-futur. Il-Ġenerazzjoni tagħna wirtet sitwazzjoni li mhux ideali, bil-pjan imħabbar lill-ġenerazzjoni li jmiss se nkunu qed inħallulha sitwazzjoni aħjar minn dik li sibna aħna” tenna Bilocca.

Ara l-programm kollu hawnhekk:-

Popolin