Lokali
Is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar attrezzata biex f’każ ta’ emerġenza tgħin 300 persuna f’daqqa

Il-Malti jgħid “aħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx”. Dan il-kliem hu magħġun f’ħidmet is-Soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar li qed tiċċelebri t-30 sena tagħha f’Malta. Bi flotta ta’ 20 ambulanza u karozzi t’emerġenza u b’100 persuna bejn voluntiera u impjegati, tul is-snin is-soċjetà ħarrġet mijiet ta’ persuni fl-ewwel għajnuna u assistiet f’ħidmiet differenti kemm f’Malta kif ukoll fi kriżijiet umanitajri.

Is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar twettaq ħidma umanitarja fosthom f’każi ta’ emerġenza; tassisti f’diversi avvenimenti; u toffri taħriġ fl-ewwel għajnuna u każi ta’ emerġenza, fost affarijiet oħra.

Il-kwartieri tas-soċjetà f’Malta jinsabu f’Pembroke. Il-President, Edward Gruppetta, spjega li f’dawn it-30 sena ta’ preżenza f’Malta ġew rreġistrati avvanzi kbar ‘il quddiem.

“Illum għandna post li huwa ħafna ikbar fejn inkunu nistgħu niltaqgħu, nagħmlu t-taħriġ u nisstorjaw l-affarijiet li jkollna bżonn għal li jista’ jinqala’.”

Is-Sur Gruppetta spjega li fuq bażi regolari, is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar tikkollabora ma’ awtoritajiet bħad-Dipartiment tas-Saħħa u l-Protezzjoni Ċivili. Qal li hemm sistema f’postha biex f’każ ta’ bżonn jintalbu jassistu kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.

Matul il-pandemija, is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar adattat għaċ-ċirkustanzi billi bdiet tagħti t-taħriġ fl-ewwel għajnuna online u għenet ukoll fis-swab tests.

“Apparti t-taħriġ kellna klinika ġewwa post tal-immigranti, fejn hemm il-migrants qed joqgħodu. Hemmhekk issollevajna lid-Dipartiment tas-Saħħa għaliex ċertu affarijiet fil-klinika konna qed nagħmluhom aħna stess bin-nies tagħna stess, bħal per eżempju lis-swabbing.”

Mal-immigranti, is-Soċjetà taħdem ukoll fi proġett bl-isem ta’ Restoring Family Links fejn b’kollaborazzjoni ma’ barra tipprova tagħmel kuntatt ma’ qraba ta’ immigranti li jkunu waslu Malta biex jgħidulhom li jinsabu qawwijin u sħaħ.

Kieron Gulton ilu 7 xhur jaħdem mas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar. Hu inkarigat mis-servizz tal-ambulanzi.

“To coordinate covering events such as Malta Marathon for example, things like that, and also to patient transport, emergency services in the summer, we spend a lot of time with regards to assisting people on the beaches through the summer.”

Fil-kwartieri tagħha, is-Soċjetà hi attrezzata biex f’każ ta’ emerġenza nazzjonali tgħin 300 persuna f’daqqa. Dan it-tagħmir jinkludi tined, sodod u affarijiet għall-ħasil. Il-President qal li l-ikbar missjoni t’għajnuna umanitarja barra minn Malta li ħadet sehem fiha s-Soċjetà kienet fl-2004 meta kien seħħ it-tsunami fl-Asja u mietu iżjed minn 227,000 persuna. Dakinhar, is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar Malta għenet billi bniet 64 dar u klinika.