“Jiena ġieli ġejt iddiskriminat għax għandi tattoos ma rasi”

“Tant naf kemm hawn stigma, għax jien ġieli ġejt iddiskriminat għax għandi tattoos ma rasi li għaddejt minn ċertu affarijiet u ma nkunx irrid lill-ħaddieħor jgħaddi minnhom” din kienet il-karba tal-artist Dylan Agius il-bieraħ waqt il-programm Popolin fejn ġie diskuss l-effett u l-impressjoni li tħalli d-dehra u l-imġieba tal-persuna fuq ħaddiehor.

Fiż-żminijiet ta’ llum hemm tendenza li persuna tkun tixtieq tinqata’ minn norma u tidher differenti mill-kumpliment tal-massa. Il-‘cool factor’ qed jingħata prominenza minn ħafna, filwaqt li s-soċjeta saret tinfluwenza lill-ħaddiehor u tinfluwenza ruħha faċilment.

L-Artist tat-tattoos Dylan Agius spjega kif għalkemm it-tpinġija qed tindera u s-soċjeta qed taddatta ruħha maż-żminijiet ta’ llum, xorta baqa’ element ta’ ġudizzju fil-konfront ta’ min jagħżel li jagħmel xi tip ta’ tattoo.

Xejn Inqas minn ħaddieħor

“Jien m’għandi xejn inqas minn ħaddieħor, jien naf nagħmel affarijiet forsi aħjar minn ħaddieħor, ma jfissirx li għax jien għandi apprenza differenti għandi xi affarijiet nieqsa bħala karattur” sostna Dylan waqt li kien qiegħed jiddiskuti s-suġġett.

B’mod regolari jisma’ fuq persuni li jitilfu opportunitajiet importanti sempliċiment minħabba l-mod kif jidhru. Bl-iktar mod ċar spjega kif m’għandux ikun hemm limitazzjonijiet fl-opportuntajiet mogħtija. Agius spjega kif din il-forma ta’ diskriminazzjoni esperjenzaha hu stess u għamel referenza għal tattoos li għandu f’rasu, għonqu u idejh.

Tattoos Eċċessivi

Huwa sostna li fix-xogħol tiegħu tant kemm hu konxju mill-fatt li persuna tista tiġi diskriminata li hu bħala artist isaqsi aktar minn darba lill-klijenti tiegħu mil-konvinzjoni li jpenġu fuq ġisimhom xi arti partikolari speċjalment meta din tkun viżibilment eċċessiva.

Il-karattru tal-persuna m’għandux jiġi ġġudikat fuq l-ammont jew it-tip ta’ tpinġija li persuna tagħżel li jkollha. Fi ftit kliem l-apparenza tal-bniedem mhux riflessjoni tal-karattru jew il-kapaċita’ li wieħed ikollu.