Lokali
Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba bl-unur Wirt Artistiku 2019

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba flimkien mal-Għaqda tan-Nar fi ħdanha nhar it-Tlieta, 16 ta’ April ġiet mogħnija bl-unur Wirt Artistiku 2019 mill-Kunsill Malti għall-Arti. Delegazzjoni mis-Soċjetà Santa Marija komposta mill-President tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V Carlo Sciberras u d-Detentur tal-Kamra tan-Nar Santa Marija Josef Camilleri flimien ma’ membri oħra rċevew dan l-unur waqt is-serata finali tal-Premju għall-Arti li saret ġewwa t-Teatru Manoel fil-preżenza tal-President ta’ Malta George Vella li fih ġew premjati l-aqwa talenti lokali fl-isfera tal-Arti.

L-Għaqda tan-Nar tas-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba qalet li sa mill-bidu tas-seklu 20 kienet diġà stabilixxiet lilha nifisha f’Malta bħala waħda mill-ewlenin għall-kwantità u għall-kwalità ta’ nar kif ukoll għal diversi elementi ġodda li raw il-bidu tagħhom minn ġewwa din l-Għaqda. Qalet li din l-Għaqda introduċiet l-ispettakli tan-nar sinkronizzati mal-mużika f’Malta fis-sena 1997 u sussegwentament kompliet tibrilla f’dawn l-ispettakli fil-Festa Titulari ta’ Santa Marija fl-Imqabba u f’ħafna avvenimenti nazzjonali u internazzjonali.

Dan l-unur jiżdied mal-lista ta’ unuri Nazzjonali u Internazzjonali mirbuħa minn din is-Soċjetà matul is-snin fosthom l-ewwel post fil-Festival Internazzjonali tan-Nar tal-Ajru fil-Port il-Kbir fl-2006, ir-rebħ tal-Kampjonat Dinji tal-Logħob tan-Nar tal-ajru ‘Caput Lucis’ ġewwa Ruma fl-2007, l-ewwel Post fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat ġewwa l-Furjana fl-2010. Unuri oħra bħalma huma l-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti fl-2013 peremezz ta’ Raddiena Tri Dimensjonali, l-unur ‘Les Etoile d’Or du Jumellage’ mogħti mill-Kummissjoni Ewropea fl-1998, rebaħ darbtejn tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepju Ħaj kif ukoll il-premju għall-isbaħ faċċata tal-Każini fi żminijiet tal-Milied.