Is-Soċjetà ta’ llum kapaċi tindirizza l-problemi ta’ madwarha?

Tkellimna ma’ Joe Gerada, Konsulent fil-Politika Soċjali sabiex nifhmu aħjar il-kapaċità kritika tal-poplu Malti. Gerada spjega li l-abbilta’ li ssib soluzzjoni għall-problemi tal-ħajja hija kapaċità li wieħed jakkwista biż-żmien. Tenna li sfortunatament ir-rutina tal-ħajja ġġiegħelna nsolvu l-problemi tal-ħajja bl-istess sistema awtomatika, mingħajr ma nippruvaw nifhmu x’nixtiequ noħorġu mill-problema u fejn irridu naslu.

Desiree Scicluna Bugeja mid-Dipartiment għall-Kurrikulu, tagħlim tul il-ħajja u impjegabbiltà spjegat li l-edukazzjoni għandha sehem importanti f’dan il-qasam. Fil-fatt fejn qabel l-kurrikulu kien iktar iffokat fuq kontenut u informazzjoni, illum il-ġurnata huwa iktar ibbażat fuq l-iżvilupp tal-persuna. Dan sar bil-għan li ħiliet varji bħal ma huma r-reżiljenza u l-ħsieb kritiku, ħiliet bżonnjużi għall-ħajja tal-individwu jiġu mħarrġa jew żviluppati aħjar. Dak li ġie applikat fil-kurrikulu qiegħed jiġi rifless wkoll fil-mod kif isir l-assessjar. Dan ifisser li l-għarfien tal-persuna jiġi assessjat fuq kemm wieħed ikun kapaċi japplika dawn il-ħiliet u mhux biss fuq kemm jaf informazzjoni.  Scicluna Bugeja saħqet li dawn il-ħiliet għandhom jiġu mgħallma u żviluppati b’mod kontinwu sa minn etajiet bikrin, anke minn qabel l-edukazzjoni primarja. Għalhekk ir-responsabiltà biex jiġu mgħallma dawn il-ħiliet mhijiex biss tal-edukaturi imma hija responsabiltà wkoll tal-ġenituri u l-komunità.

Gerada tkellem ukoll dwar l-importanza li wieħed jaċċetta li l-iżbalji huma parti mill-proċess tat-tagħlim; “ħadd ma kien kapaċi jsolvi xi tip ta’ problema ma’ l-ewwel darba” L-individwu għandu għalhekk jitgħallem jirrifletti fuq x’mar tajjeb u x’mar ħażin.