Is-sogħba tal-bint li tilfet lil missierha waqt li kien qed jaħdem fil-ġebel

Għadu fil-periklu tal-mewt Victor Camilleri ta’ 62 sena minn Birkirkara li nhar il-Ġimgħa korra gravi f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Gżira. Miegħu weġġgħa wkoll Anthony Bartolo ta’ 44 sena minn San Ġwann li sofra ġrieħi ħfief.

Iżda dik li kellha tkun ġurnata ta’ xogħol normali, spiċċat fi traġedja, għal Eugenio D’Anastasi ta’ 56 sena, missier ta’ żewġt itfal minn Birkirkara. Huwa miet mad-daqqa meta ċediet gallarija tax-xorok f’bini fi Triq Abete Rigord kantuniera ma’ Triq il-Ġnien fil-Gżira.

“Kemm fraħt jaħasra pa meta għedtlek li lħaqt nurse. Min kellu jgħidli li qatt mhu se tarani bl-uniformi jew bit-toga?” Hekk kitbet Jessica D’Anastasi fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha wara li ħadet l-aħbar li missierha tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol.

Eugenio D’Anastasi kien ma’ ħaddiema oħra fuq il-gallarija li sfrondat sular nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tas-1 p.m.

“Grazzi pa ta’ kemm il-sagrifiċċju għamilt għalina biex tarana nirnexxu. Kemm ħdimt u stinkajt fil-ġebla biex lilna tagħtina l-aqwa edukazzjoni u tarana fejn dejjem xtaqna li nkunu,” kompliet Jessica.

“Strieħ fis-sliem pa u grazzi ta’ kull ma għamilt għalina. Issa żomm idejk fuqna pa minn fejn il-Mulej,” temmet tgħid Jessica. Il-qraba u l-ħbieb se jagħtu l-aħħar tislima lil Eugenio D’Anastasi nhar it-Tlieta fit-8.30 a.m. fil-knisja ta’ Santa Liena, f’Birkirkara.