Lokali
Is-solitudni f’dokumentarju – x’inhuma r-rimedji?

Għalkemm qed ngħixu f’dinja li saret raħal u miżgħud b’mezzi teknoloġiċi, qed tikber il-pjaga tas-solitudni u magħha l-esklużjoni soċjali. Il-problema tinħass fil-faxex kollha tas-soċjetà, mit-tfal sal-anzjani u taf tiggrava fiż-żminijiet tal-festi. Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università b’kollaborazzjoni ma’ Caritas Malta tefgħet il-lenti tagħha fuq din ir-realtà soċjali b’dokumentarju maħsub biex jipprovoka iktar riċerka dwar is-suġġett u t-tfittxija ta’ rimedji għas-solitudni.

Diandra Cuschieri, persuna li għaddiet mis-solitudni qalet “il-bullying hi waħda mill-iktar ħaġa li tħossok lonely fid-dinja”.

Is-solitudni hi pjaga soċjali kważi inviżibbli li għandha wċuħ differenti u kuntrarju għall-impressjoni ġenerali ma taffettwax biss lill-anzjani iżda anke lill-adulti u l-adolexxenti.

Charmaine Attard, persuna li għaddiet mis-solitudni qalet “huwa fenomenu fejn inti allavolja tkun imdawra bin-nies xorta tkun waħdek għax ħadd ma jista’ jifhmek u ħadd ma jista’ jifhem dak li qed tħoss tant kemm hu b’saħħtu”.

Il-Caritas u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta dentifikaw is-solitudni bħala waħda mill-ġerħat tas-soċjetà Maltija.

F’dokumentarju ta’ kważi nofs siegħa mtella’ mill-istess Fakultà, akkademiċi, professjonisti u persuni li għaddew mis-solitudni joffru kuntest iżda fuq kollox suġġerimenti ta’ kif is-solitudni ma tibqax tkisser il-ħajjiet.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt qal “fil-familji tagħna nieħdu ħsieb lil xulxin u kif ngħinu lit-tfal tagħna jiżviluppaw relazzjonijiet li huma sani għax dik hija l-bażi biex wieħed, għada pitgħada jkun jista’ jirrelata ma’ nies oħrajn”.

Dr Andrea Dibben, Lettur fid-Dipartiment tal-Politika Soċjali u l-Ħidma Soċjali qalet li l-isfida tas-solitudni teħtieġ tiġi indirizzata f’livelli differenti.

Dr Andrea Dibben qalet “jiġifieri fuq livell ta’ politika soċjali, fuq livell ta’ servizzi u strateġiji rridu nkunu ċerti li qegħdin naħdmu fid-direzzjoni t-tajba billi jkun hemm riċerka u pjan kif bħala nazzjon ħa nindirizzaw din l-issue”.

Skont ċifri mogħtija fil-Parlament, terz tat-telefonati fuq is-support line 179 saru minn persuni li jkollhom bżonn jgħidu kelma ma’ xi ħadd għax iħossuhom waħedhom.

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi qal li wara dan id-dokumentarju se jaħdmu fuq ir-riċerka.

Prof. Andrew Azzopardi qal “dik dejjem kienet l-intenzjoni tagħna li aħna nifhmu x’qed jiġri imma mbagħad nagħtu l-nformazzjoni lil politiku li jagħmel il-policy u anke lill-politiku li jrid jagħmel il-leġiżlazzjoni jew jieħu d-deċiżjonijiet”.

L-akkademiċi qalu li wħud mis-soluzzjonijiet jistgħu jduru mal-paroċċi bi skemi fejn persuni li jkunu waħedhom jingħaqdu ma’ oħrajn u flimkien jagħmlu xogħol volontarju.

Madankollu, fuq livell individwali ntqal li kulħadd jista’ jdur dawra mal-familja tiegħu u speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena jiddedika ftit ħin biex jagħmel telefonata jew żjara lil xi qarib jew ħabib li ilu ma jkellem ix-xhur.