Saħħa
Is-solitudni ma jħosshiex biss min qiegħed waħdu iżda anke fl-ambjent ta’ familja jew ix-xogħol

Għalkemm ċerti persuni jkunu fil-kumpanija ta’ xi ħadd, xorta waħda jista’ jkun li jkunu qed ibatu mis-solitudni. Il-psikjatra Dr Anton Grech stqarr ma’ TVM li l-pandemija kompliet tkabbar din il-problema minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt bejn in-nies li jista’ jagħmilha aktar faċli li wieħed jingħalaq fih innifsu. Dr Grech enfasizza biex din is-sena nagħmlu sforz akbar u nikkomunikaw ma’ min ibati mis-solitudni bit-telefon jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.

Is-solitudni – mhux neċessarjarment iħossha biss min fiżikament qiegħed waħdu. Il-psikjatra Anton Grech jispjega għaliex wieħed jista’ jinħakem mis-solitudni, anke fl-ambjent ta’ familja jew fuq il-post tax-xogħol.

“Għaliex solitudni tfisser li inti tħossok waħdek, m’hemm ħadd jifhmek, m’hemm ħadd ma’ min tista’ tiftaħ qalbek u ma tista’ tirrelata ma’ ħadd. Infatti rridu noqogħdu attenti għan-nies ta’ madwarna għax għalkemm naħsbu li jkunu fil-kumpanija tagħna, xorta jista’ jkun għaddejjin minn solitudni.”

Żmien il-Milied hu meqjus fost l-aktar diffiċli għal min ibati b’ansjetà, dipressjoni u solitudni, fosthom għaliex iħoss li ma jistax jifraħ u ma jistax jirrelata ma’ ħaddieħor.

“Issa meta f’dan iż-żmien tara lil kulħadd jifraħ, kulħadd jiddeverti, kulħadd jagħti r-rigali u int għalkemm tixtieq tipparteċipa ħabba l-problemi psikoloġiċi li għandek ma tistax, tħossha ħafna ħafna aktar.”

Dr Grech stqarr li l-pandemija tal-Covid-19 kompliet tkabbar il-problema għax minħabba ż-żamma tad-distanza soċjali, ir-relazzjonijiet mal-oħrajn u l-kuntatt naqsu ħafna u huwa aktar faċli li wieħed jingħalaq fih innifsu.

“Min diġà jkun qed ibati minn solitudni, qed iħossha ħafna aktar, qed iħossu l-effett. U din twassal għal aktar tbatija psikoloġika u għal aktar ansjetà għax meta inti tħossok li m’intix parti mis-soċjetà, li m’għandekx relazzjonijiet, l-ansjetà tiżdied aktar.”

Saħaq li speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena, niftakru f’min hu waħdu u f’min għaddej minn tbatija psikoloġika. Qal li fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom, din is-sena jrid isir sforz akbar biex nikkomunikaw aktar ma’ dawn in-nies permezz tat-telefon u mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni.